Lokali Parlament

Il-monitoraġġ elettroniku jeħtieġ sistemi ħolistiċi ta’ appoġġ


Albert Buttigieg, PN


Ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg qal fil-Parlament li l-monitoraġġ elettroniku jeħtieġ sistemi ħolisitiċi ta’ appoġġ biex jirnexxi.

Albert Buttigieg qal li l-monitoraġġ elettroniku jagħti sens ta’ serħan il-moħħ u għajnuna lill-stess persuni fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-persuni.

Hu kompla li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba iżda weħidha mhux se twassal għar-riabilitazzjoni sħiħa tal-persuna. Hemm bżonn strutturi u interventi ħolistiċi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex issir analiżi dwar min huma l-persuni li jkunu fid-delinkwenza. Jeħtieġ isir profil tal-persuni biex isiru interventi iffokati ta’ għajnuna.

Albert Buttigieg qal li wieħed mill-fatturi prinċipali li jħalli impatt hi x’jiġri fil-familja tiegħu b’esperjenzi negattivi. Jeħtieġ li ssir ħidma komuni tal-familji għaliex hi l-pedament tas-soċjetà u jkun rikonoxxut li dawk li jkollhom familji problematiċi jkollhom ukoll trobbija problematika. Albert Buttigieg kompla li t-tfal għandhom jingħataw esperjenzi sbieħ tat-tfulija iżda dan mhux dejjem ikun il-każ.

Hu tkellem dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet fl-edukazzjoni fost dawn il-persuni, li ma jkollhomx esperjenzi pożittivi fl-edukazzjoni. Albert Buttigieg qal li hemm numru ta’ tfal li mhumiex jattendu l-iskola u spjega li n-nuqqas ta’ edukazzjoni hi art feritili għad-delinkwenza. Problema oħra hi t-tfal li ma jkomplux l-iskola, qal id-deputat Nazzjonalista, li tkellem dwar l-importanza tat-tagħlim tas-snajja lil dawn l-istudenti.

Problemi oħra li jeħtieġ ikunu trattati bi prijorità huma l-abbuż tad-droga, il-problemi tal-istigma meta l-persuni joħorġu mill-ħabs, id-djar għal dawn il-persuni u x-xogħol b’dinjità.