Il-Qorti Kriminali kkundannat lil Elliott Paul Busuttil, ta’ 40 sena minn Ħ’Attard, għal 35 sena ħabs talli qatel lil Mario Farrugia u pprova joqtol lil Emil Marinov. Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Neville Camilleri t-Tlieta.
Busuttil kien diġà ammetta għal dawn ir-reati u f’Marzu li għadda kien ikkundannat 42 sena ħabs u mmultat €70,000. Madankollu, fid-19 ta’ Ġunju l-Qorti tal-Appell ordnat li s-sentenza tiġi riveduta wara li d-difiża ilmentat li kienet laħqet ftehim mal-prosekuzzjoni għal sentenza ta’ 35 sena ħabs.
L-Imħallef Camilleri laqa’ t-talba tad-difiża u ddeċieda li sentenza ta’ 35 sena kienet iktar fil-parametri tal-liġi. Huwa sab ukoll lil Busuttil ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-5 ta’ Settembru 2018 u ordna l-konfiska tad-depożitu ta’ €1,000 u l-garanzija personali ta’ €10,000.
Sabu ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti Kriminali u ordna l-konfiska ta’ €4,000 f’depożitu u €10,000 f’garanzija personali. Ordnalu wkoll iħallas €70,786 fi drittijiet ta’ esperti li jekk ma jitħallsux, jinqalbu fi priġunerija effettiva.
Farrugia kien instab maqtul fil-bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi fil-5 ta’ April 2022 u mill-awtopsja rriżulta li kien ingħata 45 daqqa ta’ sikkina. L-attentat ta’ qtil ta’ Marinov seħħ fl-2020 meta l-vittma nstab ferut mal-art bid-demm ħdejn il-grawnd nazzjonali Ta’ Qali.
Elliot Paul Busuttil inqabad mis-CCTV Cameras joħroġ mill-karozza fit-30 ta’ Marzu 2022 fis-6.10am wara li waqaf fil-Wied ta’ Ħal Qormi bil-karozza ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena, u hekk kfi ħareġ minnha mesaħ idejh b’xugaman u mexa tul il-wied u x’aktarx li rikeb f’karozza oħra. Il-persuna li niżlet mill-karozza kien liebes l-iswed u kellu maskra ta’ kontra l-COVID-19 li kienet qed tgħatti biss ħalqu.
Minn diversi ‘call profiles’ li saru fuq il-mobile tal-vittma u ta’ Busuttil jirriżulta li dawn kienu jkunu ħafna flimkien sa minn ftit jiem qabel ma nqatel. Hemm probabbilità kbira li dan id-delitt seħħ fil-‘luggage boot’ tal-karozza tiegħu stess, bil-ħafna daqqiet isiru fuq in-naħa tal-lemin ta’ sidru.
L-Ispettur Wayne Camilleri wieħed mill-uffiċjali li investigaw il-każ, kien qal fil-Qorti li l-vittma li kien persuna vulnerabbli qatt ma kellu problemi mal-Pulizija u ġie deskritt bħala bniedem kwiet u li ma jafx jgħid le. Ix-xhud qal lill-Qorti li l-akkużat kien eċċitat ħafna meta l-Pulizija marret biex tarrestah, “xi provi għandkom?” u beda jpejjep il-ħin kollu.
L-arrest sar fid-dar tal-ġenituri tiegħu fejn kien jgħix magħhom. L-Ispettur Camilleri mill-iskwadra kontra l-omiċidji qal li kien fil-5 ta’ April li daħal f’din l-investigazzjoni fejn kien ġie furmat li fi Triq il-Wied Qormi instabet karozza Peugout 407 li kienet insabet mill-Ispettur Jean Paul Attard mill-Għassa ta’ San Ġiljan u l-Ispettur Dorianne Tabone mill-Vice Squad.
Camilleri qal li kien mar fuq il-post ma’ Surġent u Kuntistabbli tat-tim tiegħu. Huwa qal li kien ta ordni lill-kuntistabbli biex imur l-appartament fejn kien joqgħod il-vittma biex jara jekk isibx ‘spare key’ tal-karozza u dan rnexxielu. Fetħu l-karozza u kollox kien irrekordjat mill-Pulizija bil-video.
Ix-xhud qal li huma sabu l-katavru tal-persuna maskili bi flokk. Fuq il-parti ta’ sidru kien mimli demm u deher li kien ‘stabbing’. L-espert Mario Scerri kif raha l-katavru qalilhom li kien ilu mejjet żgur sitt ijiem. Prova importanti minn naħa tal-Pulizija kienet li nstab demm fid-dar tal-akkużat li huwa tal-vittma. Dan it-tiċpis instab qabel ma wieħed jidħol fil-kamra ta’ Busuttil fid-dar tal-ġenituri tiegħu.
Fuq il-katavru ma nstab xejn personali, bħal kartiera jew xi mezz ta’ identifkazzjoni, lanqas ma nstabu ċwievet. Instab biss arloġġ fuqu. Sa dak il-ħin ma kenux konxji tal-identità tal-vittma. Peress li kien iħobb jilbes ċertu tip ta’ ħwejjeġ, tal-familja qalu lill-Pulizija, li kien Mario Farrugia, imma ma kenux ċerti.
Camilleri qal li meta l-kuntistabbli mar biċ-ċwievet Ħal Qormi huma fetħu l-karozzi u bdew l-investigazzjoni fuqha. Din wara ġiet towed lejn il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija. Hu qal li minn CCTV footages tal-area tal-madwar f’Ħal Qormi, il- vettura tpoġġiet hemm fit-30 ta’ Marzu għall-ħabta 6.10am.
Hawn deher persuna maskili li kien qed isuquha. Ix-xhud qal li grazzzi għal cameras li kienu ta’ kwalitá tajba ħafna, irnexxielhom jiskopru li r-raġel kien liebes kollox iswed, u kif ħareġ kellu xugaman blu u kien qisu qed jimsaħ idu. Hu mexa minn fejn il-karozza, mexa tul il-wied kollu u qabeż il-klabb tal-boċċi u possibbilment qabad karozza u telaq. Mill-ewwel, il-Pulizija skoprew li dan kien Elliott Paul Busuttil.
Elliot Paul Busuttil instab ħati li qatel lil Mario Farrugia u li ħeba l-katavru tiegħu wara li tah diversi daqqiet ta’ sikkina. Huwa kien ġie mixli b’seba’ akkużi, ta’ omiċidju, li uża arma fid-delitt, li ġarr l-arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess, li ħeba l-kartavru, li naqas li josserva ordni mill-Qorti tal-Maġistrati, li kiser ordni tal-Qorti Kriminali u li sar reċidiv.
Mill-call profiles tal-akkużat u l-vittma rriżulta li saru ħafna kuntatti ma’ xulxin. Fit-28 ta’ Marzu fid-9.30pm, il-mobile ta’ Mario Farrugia kien Pembroke u ta’ Elliott li kien l-Imsida, fid-9.34 Mario Farrugia kellu telefonata u ċċaqlaq minn Pembroke u wasal l-Imsida fid-9.48pm. sa ma ntefa l-mobile. L-indikazzjoni hi li dawn kienu l-ħin kollu flimkien.
Għall-akkużat dehru ll-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati George Camilleri, Maria Schembri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Jean-Paul Attard. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-familja tal-vittma.
//= $special ?>