Lokali Parlament

Importanza li tissaħħaħ il-ġustizzja riparatriċi


Carm Mifsud Bonnici, PN


Ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carm Mifsud Bonnici tkellem fil-Parlament dwar l-importanza li tissaħħaħ il-ġustizzja riparatriċi.

Carm Mifsud Bonnici qal li kollox jiddependi minn kemm taħdem is-sistema li l-prezz tagħha hu wieħed għoli. Hu tkellem dwar dak li qed iseħħ internazzjonalment fis-Sirja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u qal li dan juri kemm id-dinja għandha bżonn titgħallem.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-ġustizzja riparatriċi li ilha fis-seħħ mill-2012 u qal li jeħtieġ li din topera aħjar b’iktar riżorsi u ħeġġa biex iktar persuni li jidħlu l-ħabs ikunu jistgħu joħorġu barra bil-parole. Din hi sistemi li tibni programm ta’ riforma għall-persuni li jridu jirriformaw. Il-monitoraġġ elettroniku jista’ jkun ta’ benefiċċju jekk is-sistema taħdem tajjeb.

Hu qal li l-ġustizzja riparatriċi hi għodda ta’ ċivilità li neħħiet persuni mid-delinkwenza. Carm Mifsud Bonnici semma’ l-problemi tad-droga fis-soċjetà Maltija u qal li din hi problema inwketanti fis-soċjetà.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-dritt dwar il-mandat ta’ arrest tal-Maġistrat għandu jibqa’ fis-seħħ u m’għandux ikun permess li l-Pulizia tarresta mingħajr ċertifikat tal-maġistratura.