Il-Knisja l-Qadima ta’ San Ġiljan, magħrufa bħala l-Knisja ta’ Lapsi, ser isservi ta’ sfond sabiħ għal ċelebrazzjoni ta’ mużika tal-Milied Taljana, fejn ser jiġu esegwiti siltiet mużikali ta’ kompożituri Taljani l-aktar magħrufa. Dan il-kunċert li se jsir nhar il-Ħadd, 22 ta’ Diċembru 2024, fis-19:30 bi-titlu In Notte Placida: Kunċert ta’ Mużika tal-Milied mit-Tradizzjoni Taljana, qed jiġi imtella’ mill-Coro Bel Canto, akkumpanjat minn orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Hermann Farrugia Frantz.
Bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, dan l-avveniment speċjali ser jiċċelebra l-wirt kulturali u s-sbuħija tal-mużika sagra u klassika Taljana. Il-programm ser jinkludi, fost oħrajn, biċċiet minn kompożituri kbar bħall-polifonija ta’ Giovanni Pierluigi da Palestrina, l-innijiet li jnisslu sens qawwi ta’ devozzjoni ta’ Alfons Maria de Liguori, Domenico Bartolucci, u Marco Frisina, kif ukoll il-Concerto di Natale Op. 6 No. 8 Pastorale ta’ Arcangelo Corelli, kapulavur tal-Barokk li jirnexxielu jesprimi l-essenza tal-Milied b’eleganza u ħlewwa.
“Il-kompożituri Taljani għandhom mod uniku kif jiċċelebraw il-Milied permezz tal-mużika li tolqot il-qalb u r-ruħ,” jgħid il-Mro Farrugia Frantz. “Dan il-kunċert jagħti l-opportunità lill-komunità li tissieħeb, tirrifletti u tiċċelebra din il-festa tant għażiża, b’mod tassew sinifikanti.”
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan (VO/1891), organizzazzjoni volontarja ddedikata biex tassisti lill-Kappillan ta’ San Ġiljan fil-ħidma biex jiġi mħares il-wirt artistiku, storiku u spiritwali tal-Knisja l-Qadima ta’ San Ġiljan. Permezz ta’ inizjattivi ta’ restawr, attivitajiet kulturali u avvenimenti komunitarji, l-organizzazzjoni tiżgura li din il-knisja antika tibqa’ post ta’ talb u ta’ qima u parti mill-wirt artistiku u storiku Malti.
L-avveniment huwa miftuħ għall-pubbliku u d-dħul huwa mingħajr ħlas. Wieħed ikun jista’ jipparkja l-vettura tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ San Ġiljan, faċċata tal-knisja. Bħala parti mill-impenn tagħna lejn l-missjoni u l-vokazzjoni tal-Għaqda, fl-aħħar ser issir ġabra b’risq il-proġetti ta’ restawr tal-knisja u kull ma jżejjinha.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan jistħoqqlu rikonoxximent speċjali għall-appoġġ imprezzabbli tiegħu, li jagħmel possibbli li dan il-kunċert jiġi offrut lill-komunità mingħajr ħlas.
//= $special ?>