Lokali Qorti

Jew tagħtiha €400 jew tmur għaliha b’sikkina ma’ sħabha

Ħabiba tal-vittma ta’ 15-il sena li sfat aggredita b’sikkina minn allegata tfajla oħra ta’ 13-il sena u s-sieħeb tagħha ta’ 21 sena, qalet fil-Qorti li ġurnata qabel tfajla mill-iskola ta’ 13-il sena qaltilha li jekk mhux se tagħtiha €400 se tmur għaliha b’sikkina ma’ sħabha.

Dan irriżulta waqt li kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jake Dalli Balzan, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Fgura li jinsab mixli li kien kompliċi flimkien ma’ oħrajn biex jibbuljaw u jattakkaw tfajla ta’ 15-il sena li kellha tibdel l-iskola li tattendi minħabba dak kollu li għaddiet minnu.

Il-ħabiba tal-vittma spjegat li ilha taf lill-vittma madwar sentejn, iżda minkejja dan qatt ma kienet tiftaħ qalba wisq dwar il-bullying li kienet għaddejja minnu. Il-vittma kienet titlob spiss flus lill-ommha għax l-omm staqsiet lix-xhud f’xiex kienu qed jintefqu l-flus.

Lill-omm, il-ħabiba qaltilha li bintha spiss kienet tħallas l-ikel tat-tnejn li huma u darba minnhom xtratilha slipper tad-ditta. Ix-xhud irrakkontat li darba fost l-oħrajn, il-vittma ċemplitilha filgħaxija u qaltilha li tat €40 lil tfajla ta’ 13-il sena wara li sabitha tistenniha b’mus fit-toilets tal-iskola.

Dwar dakinhar ta’ dak li seħħ lill-vittma, il-ħabiba tal-vittma spjegat li rat ambulanza għaddejja u qalbha ħebritha li l-vittma kien ġralha xi ħaġa. Dan għax skont ix-xhud, il-vittma kien jagħtuha spiss attakki ta’ paniku u ġurnata qabel sfat mhedda mill-istess persuna li jekk ma tagħtihiex €400 kienet se tmur għaliha b’sikkina ma’ sħabha.

Qalet li dakinhar huma kienu miftehmin biex joħorġu, iżda għal xi raġuni l-vittma ħarġet mixja ftit qabel ħdejn l-iskola. Kompliet tgħid li ħabibtha kienet mixħuta mal-art tibki u tgħajjat u qabel telqet bl-ambulanza qaltilha biex tagħmel moħħha hemm u ma toħrogx minn bieb il-barra waħedha.

Tkellmet mill-ġdid mal-vittma madwar jumejn wara fejn din qaltilha li kienet sfat aggredita minn żewġ ġuvintur u żewġ tfajliet. Wieħed mis-subien għamlilha pistola ma’ rasha u kkargaha, l-akkużat taha daqqa f’rasha, waħda mit-tfajliet tatha daqqiet fl-istonku waqt li t-tfajla tal-akkużat tatha daqqiet f’żaqqha b’mus.

Ix-xhieda xokkanti kompliet mix-xhud li qalet ukoll li l-vittma qaltilha li l-ġuvni li għamlilha l-pistola ma’ rasha kellu xi balal fil-but u f’xi ħin waqgħu mal-art. Il-vittma identifikat liż-żewġ ġuvintur, wieħed minnhom l-akkużat Jake Dalli Balzan, kif ukoll lit-tfajla tiegħu li kienet tmur l-iskola mal-vittma.

Matul din ix-xhieda tqajmu diversi battibekki bejn l-avukat tal-parte civile Jason Azzopardi u l-Avukat David Bonello li qed jidher għall-akkużat. Dan ġara wara numru ta’ mistoqsijiet li l-prosekuzzjoni staqsiet lix-xhud fuq it-tfajla tal-akkużat u l-ħabiba tagħha li wkoll ix-xhud qalet li darba pprovat tħebb għall-vittma l-iskola.

“Jiddispjaċini imma mhux nemmen lill-klijenta tiegħek”, iddikjara l-Avukat Bonello. Il-Maġistrat Kevan Azzopardi ħareġ mis-sigrieta fejn kien qed jisma’ x-xhieda tal-ħabiba tal-vittma u sikkithom waqt li infurmahom li l-Qorti mhux se taċċetta battibekki bejn iż-żewġ partijiet u nuqqas ta’ rispett fl-awla.

Fi tmiem ix-xhieda tagħha, il-ħabiba tal-vittma qalet li f’Novembru, tfajla li tat id-daqqiet bil-mus qalet lill-vittma biex imorru jieħdu linja kokaina flimkien. Xhud ieħor kienet mara li dakinhar li seħħ il-każ semgħet lill-vittma tokrob u titgħawweg mal-art.

Spjegat li meta ressqet viċin tat-tfajla, li kienet qed tibki u tgħajjat bl-uġigħ, din qaltilha li kienet għadha kemm qalgħet daqqa ta’ mus. Minnufih ix-xhud qalet li ċemplet il-112. Sadanittant, rat lill-vittma tipprova tneħħi u anke nxteħtet minn tulha titgħawweg u tmiss ġenbha.

Ix-xhud qalet li talbet lill-vittma n-numru tal-ġenituri tagħha iżda t-tfajla ta’ 15-il sena ma laħqitx qaltilha aktar minn żewġ numri għax intilfet minn sensiha. Sostniet li meta waslu t-tobba tal-emerġenza fuq il-post, marret tħabbat lill-ġenituri tal-vittma. L-omm bdiet tibki u qalet “li kienu ilhom jhedduha.”