Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li refa’ jdejh fuq bintu

Raġel ta’ 44 sena mill-Mosta, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat wara li l-Pulizija xlietu li ħebb għal bintu wara li argumentaw fuq tablet u l-kwistjoni skalat. Mal-Pulizija, bint l-akkużat qalet li missierha qabad jagħtiha wara dan l-argument bejniethom.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma kellha daqqa fuq moħħha u sieqha miksura. Id-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest u qalet li l-imputat għandu indirizz alternattiv u dejjem ikkopera mal-Pulizija u li l-fedina penali tiegħu mhijiex waħda ta’ barra minn hawn.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat sakemm jixhdu l-omm u l-bint. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-libertà proviżorja u qalet li f’dan ll-istadju qed tiċħad it-talba filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tifla.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.