Lokali

“Konferma tal-istat diżastruż tat-toroq f’Għawdex” – Il-PN

Minkejja l-wegħda elettorali tal-Labour li se jinvesti €700 miljun fit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex, fl-aħħar seba’ snin f’Għawdex saru xogħlijiet f’inqas minn 100 triq

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li t-toroq f’Għawdex – speċjalment dawk residenzjali – ħadu daqqa lura.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Alex Borg qal li dan ma jgħiduhx biss l-Għawdxin infushom li jużaw dawn it-toroq b’mod regolari, imma jgħiduh ukoll il-Maltin u t-turisti li jżuru lil Għawdex. U issa s-sitwazzjoni diżastruża tat-toroq f’Għawdex qed jesponuha wkoll il-gazzetti lokali.

Skont rapport ippubblikat illum, f’dawn l-aħħar seba’ snin, f’Għawdex saru xogħlijiet f’inqas minn 100 triq. Dan minkejja l-wegħda elettorali li għamel il-Labour fl-2017 li jinvesti €700 miljun biex jirranġa t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex.

Skont l-istorja fit-Times of Malta, waqt li f’Malta ngħataw wiċċ ġdid 1,400 triq mill-2018 lil hawn, f’Għawdex saru biss 83 triq, u f’ħafna mill-każi dawn ma kinux toroq li nbnew mill-ġdid, imma toroq li fihom sar xogħol parzjali.

Ix-xogħlijiet fit-toroq ta’ Għawdex ma jaqgħux taħt Infrastructure Malta, kif inhi s-sitwazzjoni f’Malta, imma jaqgħu direttament taħt il-Ministeru għal Għawdex immexxi minn Clint Camilleri.

Wieħed irid ifakkar li f’kull budget fl-aħħar snin, rajna tnaqqis sostanzjali sena wara sena fl-investiment kapitali, speċjalment dak relatat mat-toroq. Dan, bl-eċċezzjoni tas-sena 2022 – is-sena tal-elezzjoni – meta kellna żieda minima. Minn dakinhar, imma, l-investiment kapitali reġa’ niżel għal taħt il-livelli tal-2013.

Meta mbagħad iżżid l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tax-xogħlijiet, wieħed malajr jasal għall-konklużjoni li Għawdex mhux biss ma ġiex imbuttat ‘il quddiem, imma għall-kuntrarju ġie minsi totalment.

Alex Borg sostna li l-infrastruttura hija l-fus li fuqu jiddependi l-prodott ekonomiku u turistiku Għawdxi. U jekk il-pedament hu dgħajjef, kollox jibda nieżel ftit ftit.

Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li b’ħidma kordinata mal-kunsilli lokali ta’ Għawdex, jiġu identifikati u jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa biex Għawdex ma jibqax lura f’dik li hija l-infrastruttura bażika li minnha tiddependi l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiegħu u ta’ dawk li jżuruh.

Kuntrarju għall-Gvern Laburista, il-ħidma fuq il-bini ta’ toroq ġodda u t-titjib tan-netwerk eżistenti tat-toroq f’Għawdex, għall-PN, ikun prijorità.