Lokali Qorti

Miċħuda talba dwar ksur fundamentali fuq raġel li kien involut f’serqa ta’ €333,000 minn ġojjellerija

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ċaħdet it-talba ta’ Albaniż ta’ 32 sena li talabha biex tiddikjara li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu meta reġa’ ttieħed il-ħabs, wara li kien diġà serva s-sentenza tiegħu ta’ erba’ snin ħabs tul l-arrest.

Artan Coku, kien ammetta li kien kompliċi mal-aħwa Muka fis-serqa mill-ħanut Diamonds International, f’Tignè, seba’ snin ilu, u kien ġie kkundannat erba’ snin ħabs, flimkien ma’ ħlas ta’ €14,500 fi spejjeż tal-esperti.

Huwa kien ammetta li fil-5 ta’ Ottubru tal-2017 assista u għen b’xi mod lill-ħallelin biex jikkommettu serqa ta’ ġojjellerija li kienet tlaħħaq mat-€333,000 u ma riedx jixhed kontra Daniel Muka u ħuh Begtash Muka li wkoll kienu involuti fis-serqa.

Peress li huwa kien diġà ilu iktar minn erba’ snin arrestat ma kienx għad baqagħlu sentenza xi jservi, u għalhekk minflok ittieħed fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi sakemm isiru l-proċeduri ta’ ripatrijazzjoni. Wara xahrejn, Coku ttieħed il-ħabs, fejn ġie infurmat li jrid jiskonta 1,244 jum ieħor ħabs peress li kien għadu ma ħallasx l-ispejjeż peritali, u għalhekk l-ammont kien inbidel f’sentenza ta’ ħabs.

Coku argumenta li d-drittijiet tiegħu ġew miksura meta r-Reġistratur tal-Qorti ma għarrfux li ressaq talba biex il-ħlas jinbidel f’piena ta’ ħabs, u meta huwa ma tressaqx il-Qorti biex ikun jista’ jwieġeb għal din it-talba bl-għajnuna tal-avukat. Huwa żied li biż-żmien li għamel arrestat, dan l-ammont kien diġà patta għalih.

Għaldaqstant huwa kien qal li dan kollu huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonal qablet mal-argument tal-Avukat Ġenerali, li Coku kellu l-ewwel iressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex jitlob ir-revoka ta’ din il-konverżjoni.

Filwaqt li l-Imħallef osserva li l-Qorti tal-Maġistrati tassew kienet naqset milli toħroġ mandat t’arrest biex issejjaħ lil Coku quddiemha ħalli jkun jista’ jwieġeb dwar il-konverżjoni, f’din is-sitwazzjoni huwa xorta waħda kellu minnufih iressaq rikors fl-istess Qorti biex jitlob li tiġi osservata l-proċedura.

Għal din ir-raġuni t-talbiet ta’ Coku ma ġewx milqugħa.