Lokali Parlament

Tonqos il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa fil-komunitajiet


Ian Vassallo, PN


Ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qal fil-Parlament li l-politika tal-gvern fis-settur tas-saħħa qed twassal biex qed tonqos il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa fil-komunitajiet.
Ian Vassallo qal li l-poplu ħa flus il-poplu, nefaqhom u l-poplu ma ħa xejn lura. Hu kompla li dawn il-flus marru għand min ħadhom b’qerq u ma gawdiex il-poplu Malti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-proġetti mhux ikunu ffnalizzati fis-settur tas-saħħa u spjega kif ir-rinovar taċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat ilu minn Mejju li għadda magħluq u fadal sa nofs is-sena d-dieħla. Dan qed iġib tbatija fost il-poplu; dan hu gvern li ma ħasibx fit-tul.

Ian Vassallo tkellem dwar il-Paola Hub u spjega kif il-gvern ma żammx il-miri tiegħu dwar meta kellu jinfetaħ għalkemm il-Prim Ministru u diversi deputati suppost inawgurawh qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda. L-għada, il-Paola Hub reġa’ ngħalaq biex issa s-servizzi qed jingħataw fil-parkeġġ.

Id-deputat Nazzjonalista fakkar kif l-Eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia kien tneħħa proprju minħabba tinda f”parkeġġ, u kif in-nies qed jistennew fit-tined barra ċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat. Fil-Paola Hub issa hemm servizzi li qed jingħataw minn containers.

Hu qal li l-gvern mhux iżomm il-wiegħdi fis-settur tas-saħħa u sostna li l-gvern ma żammx kelmtu dwr iċ-Ċentru tas-Saħħa għat-Tramuntana għaliex issa dan mhux se jsir. Ian Vassalo semma’ n-nuqqasijiet kbar fil-listi ta’ nuqqasijiet u appella lill-gvern biex jimpjega iktar infermiera għaliex il-pajjiż għandu bżonn. Huma ħafna dawk li minħabba l-kundizzjonijiet f’dan is-settur qed jitilqu u jmorru jaħdmu f’setturi oħra.