Żagħżugħ ta’ 18-il sena li ilu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ftit aktar minn xahar peress li ma kienx ingħata l-pleġġ meta tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ serq ta’ pjanċi ta’ vettura u fost affarijiet oħra li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia.
Jake Borg residenti Birżebbuġa, qed jiġi mixli li fil-lejl tal-4 u l-5 ta’ Novembru li għadda seraq pjanċi ta’ karozza, liema serq huwa kwalifikat bi vjolenza għad-dannu ta’ koppja. Huwa qed jiġi mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa minn fuq karozza Renault Scenic Expression li kienet ipparkjata f’San Ġiljan.
Borg ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq l-istess karozza li taqbeż €2,500 u talli kiser il-paċi pubblika. Ġie mixli wkoll li fil-5 ta’ Novembru u fil-ġranet ta’ qabel, f’San Ġiljan, assoċja ruħu ma’ persuni oħra bil-għan li jwettaq delitt, li għalih hemm piena ta’ priġunerija.
Ġie mixli wkoll li sar reċidiv għax instab ħati ta’ reati b’diversi sentenzi u li iżjed minn darba nstab ħati li kiser diversi sentenzi mogħtija lilu. Akkuża oħra tgħid li kiser kundizzjoni tal-Qorti f’Novembru tal-2021 bil-prosekuzzjoni titlob lill-Qorti biex tordna r-revoka mill-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u tordna li s-somom u garanziji personali, jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.
Jake Borg qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.
L-Avukat David Gatt li dan l-aħħar ħa l-patronċinju tal-akkużat, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li ġiet milqugħa mill-Qorti fejn missier l-akkużat qal li jkun garanti għas-somma ta’ €7,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Giuliana Magro Conti u l-Ispettur Jean-Claude Mangion.
//= $special ?>