F’aktar logħob taċ-Champions League, kienu reġistrati rebħiet importanti għal Real Madrid barra minn darhom u Bayer Leverkusen fil-Bay Arena, fil-Ġermanja, waqt li Liverpool saħħew posthom fl-ewwel post tal-klassifika.
Atalanta 2 Real Madrid 3
Partita mill-isbaħ b’Real Madrid jiksbu tleit punti barra minn darhom sabiex kisbu t-tielet rebħa f’edizzjoni tac-Champions League fejn sa issa kienu ddiżappuntaw.
Fl-10 minuta kien KYLIAN MBAPPE li minn azzjoni ta’ Brahim Diaz għeleb lil Marco Carnesecchi biex poġġa lil Real Madrid fil-vantaġġ. Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima foul ta’ Aurelien Tchouameni fuq Sead Kolasinac. Penalty għal Atalanta, b’CHARLES DE KATELAER għeleb lil Courtois għal 1 – 1 .
Fit-tieni taqsima kibret il-pressjoni minn Real Madrid li fis-56 minuta marru fil-vantaġġ permezz ta’ VINICIUS JUNIOR. Tliet minuti wara, minn azzjoni tal-istess Vinicius Junior kien JUDE BELLINGHAM li għeleb lil Carnesecchi għat-3 – 1. Reazzjoni minn Atalanta li fil-65 minuta naqqsu l-iskor permezz ta’ DEMOLA LOOKMAN minn pass ta’ Lazar Samardzic. Riżultat ta’ 3 – 2 li bih intemmet il-partita.
Bayer Leverkusen 1 Inter 0
Rebħa importanti għal Bayer Leverkusen li biha telgħu fit-tieni post flimkien ma’ Inter, Aston Villa u Brest kollha bi 13-il punt, ħamsa inqas minn Liverpool.
Il-gowl deċiżiv kien skorjat minuta mit-tmiem. Minn azzjoni ta’ Martin Terrier kien NOREL MUKIELE li għeleb lil Yann Sommer u ta r-raba’ rebħa għal Bayer Leverkusen fil-kompetizzjoni.
Girona 0 Liverpool 1
Bis-sitt rebħiet minn daqstant partiti, Liverpool saħħew posthom fl-ewwel post fil-klassifika bi 18-il punt. 0 – 0 fi tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-63 minuta kien hemm foul ta’ Danny van de Beek fuq Luis Diaz. Benoit Bastien ikkonsulta l-VAR u nghata penalty għal Liverpool, b’MOHAMED SALAH jegħleb lil Paulo Gazzaniga. Gowl li ddeċieda l-partita.
//= $special ?>