Lokali

Abela jwiegħed dar tal-anzjani fl-Imsida u minflok dawwar l-ispazju f’parkeġġ

F’Lulju tal-2022, il-Minsitru JoEtienne Abela wiegħed li fi żmien 4 snin il-Gvern kien se jibni mill-ġdid Dar tal-Anzjani fl-Imsida.

Illum, sentejn u ħames xhur wara – il-loġika tgħidlek li dan il-proġett wasal f’nofsu. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela…. għadu lanqas qiegħed mank kantun.

Minflok dan l-ispazju, li sa ftit tal-jiem ilu kien miżgħud bit-terrapien u ħaxix ħażin, issa ġie kkonvertit f’parkeġġ pubbliku temporanju minn Infrastructure Malta – sakemm jitlesta l-proġett tal-flyover tal-Imsida – proġett li suppost għandu jieħu tal-inqas sentejn oħra.

Dan ifisser li prattikament il-wiegħda tal-JoEtienne Abela u l-Gvern ta’ Robert Abela, mhux talli għadha lanqas bdiet titwettaq, iżda kollox qed jindika li sal-aħħar tal-leġiżlatura din se tibqa’ biss wiegħda fl-arja – wiegħda li saħansitra kienet imniżżla fil-Manifest Elettorali – kbir daqs bibbja – Malta Flimkien.

Iżda agħar minn hekk, l-istess Ministru Abela ma kellux l-iċken idea b’dan il-parkeġġ temporanju hekk kif fis-seduta parlamentari tat-Tlieta waranofsinhar huwa kien mistoqsi mix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici dwar dak li għaddej. Il-Ministru tas-Saħħa jammetti li ma kienx infurmat bid-dettalji.

Suppost din id-Dar tal-Anzjani, oriġinarjament mibnija minn Gvern Nazzjonalista, u mwaqqa’ minn Gvern Laburista, kellha takkomoda mill-ġdid 114-il sodda b’investiment ta’ ftit aktar minn €13-il miljun – madanakollu s’issa din spiċċat parkeġġ.

Dan hekk kif minħabba x-xogħlijiet b’rabta mal-flyover tal-Imsida, Infrastructure Malta ddeċidiet li l-karozzi li normalment jipparkjaw fejn il-monument tal-General Workers Union issa qed jiġu ggwidati biex jipparkjaw f’dan l-ispazju.

Din hija l-aħħar fost il-lista twila ta’ kontroversji marbutin ma’ din il-flyover li l-Kunsill tal-Imsida mhux jaqbel magħha. U wisq inqas ir-residenti.

Net News jinsab infurmat li f’laqgħa pubblika ħareġ biċ-ċar li qed ikun hemm diżgwid qawwi bejn il-kuntrattur inkarigat mill-proġett u Infrastructure Malta – bil-pressjoni ta’ Robert Abela fuq il-Ministru Chris Bonett hija waħda eżorbitanti.

Iżda fir-realtà… anke il-Prim Minsitru għandu pressjoni kbira interna biex jibda jwettaq xi ħaġa hekk kif sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista saħqu li l-faxxa ta’ Joseph Muscat  tilfet kull fiduċja fit-tim ta’ Robert Abela, u fit-tmexxija tiegħu.