Lokali Turiżmu

Aktar minn tmien miljun passiġġier jgħaddi mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-sena 2024

Mill-bidu ta’ din is-sena, aktar minn tmien miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Novembru.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-ajruport, l-ajruport laħaq il-mira tiegħu, fejn ra tmien miljun passiġġier jgħaddi mill-ajruport.

Il-prestazzjoni tat-traffiku tul dawn l-aħħar 11-il xahar jindika li s-sena 2024 kienet l-aktar waħda b’saħħitha għall-ajruport s’issa.

Għax-xahar ta’ Novembru, 630,637 passiġġier ivvjaġġaw mill-ajruport, liema riżultati juru żieda ta’ 19.2 fil-mija, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena 2023.

It-traffiku tal-passiġġiera laħaq l-ogħla livelli lejn il-bidu tax-xahar, hekk kif 26,936 moviment tal-passiġġiera ġew irreġistrati nhar is-Sibt 2 ta’ Novembru, li kienet ikkunsidrata bħala l-aktar jum impenjattiv tax-xahar.

Intant, il-movimenti tal-ajruplani wkoll żdied bi 19.8 fil-mija, filwaqt li l-għadd ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied bi 18.3 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023.

Barra minn hekk, ir-rata ta’ okkupanza fuq it-titjiriet ukoll rat titjib, hekk kif is-Seat Load Factor (SLF) żdied b’0.7 punti perċentwali biex kiseb riżultat ta’ 85.6 fil-mija.

Madankollu, l-aktar swieq li kkontribwixxa għat-traffiku ta’ Novembru kienet l-Italja b’żieda ta’ 9.6 fil-mija fuq l-2023, b’sehem ta’ 20 fil-mija, filwaqt li r-Renju Unit ra żieda ta’ 16.7 fil-mija.

Mhux hekk biss, l-akbar tkabbir sinifikanti fost l-ikbar ħames swieq għall-ajruport ġie rreġistrat mis-suq Pollakk, li ra żieda ta’ 56 fil-mija.

Infatti, is-suq Pollakk qabeż dak Ġermaniż kif ukoll dak Spanjol, hekk kif dan is-suq sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-aħħar darba li nkiseb dan ir-riżultat kien f’Jannar ta’ din is-sena.