Kummerċ Lokali

Edizzjoni speċjali tal-kalendarju ta’ Atlas Insurance għall-2025

Tifkira ta’ mitt sena ta’ storja kummerċjali f’Malta

Atlas Insurance nediet il-kalendarju annwali tagħha għall-2025, edizzjoni speċjali li tfakkar iċ-ċentinarju tal-kumpanija u l-wirja li saret matul l-2024, “Centennial Chronicles – Celebrating Malta’s Commercial Legacy”. Il-kalendarju ta’ din is-sena jaqbad l-essenza tal-wirja mil-lenti artistika tal-fotografa Lisa Attard.

Bħala kontinwazzjoni tat-tradizzjoni stabbilita matul is-snin, il-kalendarju jiġbor fih kollezzjoni magħżula bir-reqqa ta’ xogħlijiet tal-arti minn artist Malti. Din l-edizzjoni, madankollu, hija differenti minn snin preċedenti billi tinkorpora ġabra ta’ ritratti interpretattivi tal-wirja li ttellgħet fl-okkażjoni tal-mitt sena tal-kumpanija fil-bini tal-Kamra tal-Kumerċ bejn it-18 ta’ April  u t-28 ta’ Mejju, 2024. Il-wirja tat ġieħ lill-istorja kummerċjali ta’ Malta u r-rwol ta’ Atlas Insurance f’dan il-legat.

Fil-kalendarju, Lisa Attard tirrevedi l-wirja b’approċċ kreattiv u interpretattiv, li permezz tiegħu taqbad perspettiva intima u dettaljata tal-oġġetti esibiti. Ir-ritratti tagħha jistiednu lil dak li jkun biex jesplora l-istejjer aktar profondi wara kull oġġett, filwaqt li jsaħħu l-apprezzament lejn l-istorja kummerċjali ta’ Malta u l-legat tal-Atlas Insurance. L-element viżiv ta’ kull xahar huwa kkumplimentat minn kaxxi b’informazzjoni fuq kull paġna, li jipprovdu l-kuntest iktar dettaljat dwar l-oġġetti u l-post tagħhom fl-esibizzjoni.

Catherine Calleja, Direttur Eżekuttiv u Company Secretary ta’ Atlas Insurance, stqarret: “Permezz tal-fotografija eċċezzjonali ta’ Lisa Attard, mhux biss qed niftħu tieqa fl-istorja tal-Atlas, iżda wkoll fl-istorja kummerċjali ta’ pajjiżna. Għal dawk li żaru l-wirja, nistednukom tiftakruha u tarawha minn lenti artistika ġdida. Għal dawk li ma żarux il-wirja, nittamaw li nakkumpanjawkom għall-vjaġġ fil-passat kummerċjali u industrijali tagħna. Grazzi, Lisa, talli għentna niċċelebraw l-anniversarju tagħna b’dawn ir-ritratti evokattivi tal-wirja tagħna.”

It-talent ta’ Lisa Attard huwa ispirat minn taħlita unika ta’ kompetenza akkademika u prattika fil-fotografija tagħha. Gradwata mill-Elisava School of Design and Engineering f’Barċelona, ​​u għal xi żmien lettur fl-Università ta’ Malta, l-għarfien tagħha tal-istorja tal-arti u d-disinn jinfluwenza profondament ix-xogħol fotografiku u grafiku tagħha. L-approċċ tagħha għall-wirja “Centennial Chronicles” ma kienx biss li tiddokumenta iżda li tirrakkonta storja permezz tar-ritratti tagħha, u li tiċċelebra l-vjaġġ ta’ seklu ta’ Atlas u n-narrattiva usa’ tal-iżvilupp kummerċjali ta’ Malta.

Il-kalendarju tal-2025 ta’ Atlas Insurance jagħti ġieħ lill-wirt dejjiemi ta’ Atlas u l-ispirtu kummerċjali ta’ Malta. Huwa turija ta’ gratitudni lejn dawk li sawru l-istorja kummerċjali ta’ Malta, li ħafna minnhom kienu klijenti ta’ Atlas Insurance u l-aġenziji ta’ qabilha matul dawn l-aħħar mitt sena.

Għal esperjenza sħiħa tal-wirja, inkluż il-lectures li ġew organizzati u tour virtwali,  żur il-websajt  https://www.atlas.com.mt/centennial-chronicles/ .