Fattiga ta’ 23 sena minn Nepal ġie mixli quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li għamel ħsara mal-ħitan tal-irħam u l-ballavostri tat-Taraġ Maġisterjali tal-Palazz tal-Granmastru (ritratt Heritage Malta), billi uża sprej li jintuża’ għall-injam. Amrit Bhatta, residenti San Pawl il-Baħar, ġie mixli li wettaq dan ir-reat nhar it-Tlieta waranofsinhar hekk kif spiċċa mill-ħin tax-xogħol tiegħu. Huwa ġie mixli li l-ħsara li wettaq tammonta għal aktar minn €2,500.
Fil-preżenza ta’ Kenneth Gauci għas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – Bhatta wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Gabriel Micallef u l-Avukati Giuliana Magro Conti u Nicolas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ingħad li ntużat kimika li għamlet ħsara kbira lill-Palazz.
Ħareġ li meta Bhatta kien mistoqsi għaliex wettaq dan l-att, huwa qal lill-interogaturi li ma kienx konxju li dan l-isprej se jagħmel ħsara b’mod permanenti. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martina Herrera għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat li sabet oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-prosekuzzjoni.
Dan minħabba li meta kien qed jaħdem kien hemm ħaddiema oħra fil-palazz u li għalhekk teżisti l-biża’ ta’ tbagħbis fil-provi. Ingħad ukoll il-permess ta’ residenza tiegħu f’Malta jiskadi l-Erbgħa stess u li mhux magħruf jekk hux se jibqa’ fl-impieg wara t-twettiq ta’ dan ir-reat. Hemm il-biża’ wkoll li jaħrab minn Malta, qalet l-Avukat Guiliana Magro Conti.
Hija qalet ukoll li jidher li huwa talab lil min iħaddmu biex jestendielu l-permess għal residenza f’Malta. Hija staqsiet kif jekk jingħata l-pleġġ kif se jkun qed imantni lilu nnifsu jekk ma jibqax fl-impieg, barra l-ħlas tal-kirja tal-appartament fejn joqgħod.
L-Avukat Herrera qalet li dwar tbgaħbis fuq il-provi, dan l-argument ma jreġiex għaliex il-klijent tagħha mhuwiex ħaddiem tal-Palazz, imma jaħdem ma’ kuntrattur privat u fil-fatt ftit li xejn ikun xogħol fejn allegatament twettaq ir-reat.
Qalet li jidher li huwa għamel l-arranġamenti neċessarji biex jibqa’ jaħdem mal-kumpanija li tqabbdu jagħmel xogħol magħha f’postijiet oħra u li huwa ilu jgħix Malta għal din l-aħħar sena u qatt ma kiser difrejh mal-ġustizzja.
Il-prosekuzzjoni qalet li ma tafx jekk dan hux se jinżamm jaħdem mal-kumpanija wara dak li allegatament seħħ. Hawn, il-Maġistrat Elaine Rizzo staqsiet dwar jekk fid-dawl tal-fatt li se jiskadilu l-permess tar-residenza f’Malta, huwiex se jkun qed jitkeċċa minn Malta. Il-prosekuzzjoni wieġbet fin-negattiv.
Il-Qorti minn naħa tagħha laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet. Li jagħmel affidavit mal-avukat tiegħu fis-sens li jħalli l-mobajl tiegħu dejjem mixgħul, li ma jkellimx lix-xhieda fil-każ, li jirrapporta kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra bejn it-8am u t-8pm.
Kundizzjonijiet oħra huma li jkun id-dar fl-10pm u ma joħroġx qabel is-6am, u li jiddepożita s-somma ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti wissietu wkoll li fl-ebda ħin ma jista’ jivvjaġġa barra l-pajjiż.
//= $special ?>