Formula 1 Sport

Fernando Alonso jittama li jirbaħ it-tielet kampjonat

Is-sewwieq Spanjol Fernando Alonso qal li qed jikkunsidra l-passat, il-preżent u l-futur tiegħu fil-Formula 1 u kif minkejja li għandu 43 sena xorta għadu jaspira li jirbaħ it-tielet kampjonat tiegħu.

Alonso stqarr li s-sena d-dieħla se tkun diffiċli ħafna iżda jaspira li jkun fost l-isfidanti ewlenin fl-2026. Hu rebaħ l-aħħar Grand Prix tiegħu aktar minn 11-il sena ilu. Matul l-istaġun li għadda, Alonso kellu bidu tajjeb fil-Formula 1 u rnexxielu jtemm kemm-il darba fuq il-podju.

Minkejja l-isfidi li għandhom Aston Martin, fl-aħħar xhur akkwistaw lil Adrian Newey, wieħed mill-aqwa disinjaturi fil-Formula 1. Newey li għandu 65 sena ħabbar li kien se jħalli lil Red Bull wara 18-il sena u se jkun qed jibda l-ħidma tiegħu ma’ Aston Martin f’Marzu li ġej. Hu se jkun qed jiddisnja l-karozza għal 2026, bir-regoli ġodda li se jidħlu fis-seħħ fil-bidu tal-istaġun tal-istess sena.