Futbol Sport

Analiżi: Floriana jsofru l-ewwel telfa tal-istaġun, draw bejn Sliema u Birkirkara

(Ritratt: Joseph Galea)
Analiżi u kummenti dwar il-Kampjonat Premier

L-OPINJONI

Floriana sofrew l-ewwel telfa tagħhom tal-istaġun wara li sfaw megħluba minn Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-1. L-eroj tal-ġurnata għall-Ispartans kien l-attakkant tagħhom Luke Montebello li skorja ż-żewġ gowls fl-ewwel taqsima. Kienet rebħa meritata għal Ħamrun fejn dawn kienu superjuri b’mod partikolari fl-ewwel ħamsa u erbgħin minuta. Din ir-rebħa fissret kontinwità għat-tim immexxi minn Alessandro Zinnari fejn wara li għamilha bi żbrixx għat-Top Six, issa huwa t-tim tal-mument. Il-Greens minn naħa tagħhom kellhom reazzjoni tajba fit-tieni taqsima fejn naqqsu l-iskor iżda xorta waħda l-Ispartans dejjem kienu fil-kontroll tas-sitwazzjoni biex kisbu rebħu meritata.

Il-goalkeeper ta’ Ħamrun Spartans Henry Bonello jaqbad il-ballun fl-arja (Ritratt: Joseph Galea)

Minkejja li fl-aħħar parti tal-logħba spiċċaw bi player anqas, Birkirkara ħadu punt mill-konfront tagħhom kontra Sliema Wanderers. Kien riżultat ġust meta tikkonsidra kollox bi Sliema jieħdu vantaġġ bikri b’gowl ta’ Plut u l-Istripes jiksbu d-draw meritat fit-tieni taqsima. Iżda t-tkeċċija ta’ Maia fissret li Birkirkara kellhom jikkuntentaw bi draw kontra avversarju diffiċli ħafna. Fil-fatt l-Wanderers bdew b’formazzjoni ta’ attakkant wieħed iżda ffullaw ħafna nofs il-ground biex jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-logħba f’idejhom fejn sa’ ċertu punt irnexxielhom. Biż-żelqa ta’ Floriana, l-Istripes xorta baqgħu fil-kmand tal-klassifika, tliet punti fuq il-Greens meta fadal żewġ logħbiet għat-tmiem l-Opening Round. Bi Sliema jibqgħu fit-tielet post, ħames punti taħt il-leaders.

Logħba kumbattuta u sabiħa kienet dik bejn Hibernians u Mosta li ntemmet bil-Pawlisti jiksbu t-tliet punti b’rebħa bl-iskor ta’ 3-2. Dawn kienu l-ewwel punti għal Hibernians fit-Top Six peress li fiż-żewġ logħbiet preċedenti huma kienu spiċċaw fuq in-naħa telliefa. Kienet logħba li Branko Nisevic wettaq xejn anqas minn seba’ bidliet mill-aħħar logħba ta’ Hibernians. Imma jidher li l-pjan tiegħu ħadem minkejja li taw iċ-ċans lil Mosta li għal darba tnejn jidħlu fil-partita. Kienet logħba ta’ gowls sbieħ skurjati minn Degabriele, Falcone u Chiemezie. Għal Mosta din kienet it-tielet telfa konsekuttiva fit-Top Six wara li għaddew mill-istess eżitu kontra Floriana u Birkirkara. Jidher li l-kompitu mal-ġganti tal-futbol Malti qed ikun wieħed diffiċli.

Melita rritornaw għar-rebħ hekk kif kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-Bottom Six wara li għelbu lil Balzan b’gowl uniku skurjat fl-ewwel taqsima minn Matthew Debattista. Tliet punti li jtellgħu lil Melita ħames punti fuq iz-zona tar-relegazzjoni filwaqt li jitfgħu lil Balzan f’aktar inkwiet hekk kif issa jinsabu f’qiegħ il-klassifika. Balzan għad iridu jiksbu l-ewwel punt fil-Bottom Six hekk kif huma diġà sofrew tliet telfiet konsekuttivi u l-prospetti ma tantx jidhru sbieħ. Fil-fatt wieħed stenna li Balzan li joħorġu aktar b’saħħithom fl-ewwel taqsima bir-riħ ġej minn warajhom. Iżda minn possibbiltà ta’ vantaġġ għal Balzan, eventwalment kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Melita. Vantaġġ li baqgħu jindukraw sat-tmiem.

Żabbar SP kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Kienet wirja eċċellenti mit-tim Żabbari li għalihom spikka l-attakkant Brian Gambarte li skorja tnejn mit-tliet gowls tagħhom. Konferma li huma ser ikunu qegħdin jissieltu b’saħħa kontra r-relegation fejn issa huma saħanistra nqalgħu minn qiegħ il-klassifika. Għal Naxxar, dan kien riżultat diżappuntanti ħafna wara li bdew it-tieni parti tal-Opening Round b’rebħa kontra Melita u draw ma’ Gżira United biex kisbu erba’ punti minn possibbiltà ta’ sitta. Bidla waħda għal Żabbar SP mill-aħħar dehra tagħhom, b’Jovicic jibda flok is-sospiż Vinicius filwaqt li George Vella beda b’Luan Sergio u Baptista flok Caxambu u Haber.

Żabbar kisbu rebħa importanti kontra Naxxar Lions (Ritratt: Catriel Farrugia)

U draw ta’ mingħajr gowls bejn iż-żewġ timijiet li jinsabu fl-ewwel post tal-Bottom Six, Gżira United u Marsaxlokk. Kienet logħba bilanċjata iżda deludenti fl-istess ħin fejn iż-żewġ naħat naqsu li jilħqu l-livelli mixtieqa. Punt kull wieħed li fisser ukoll li matematikament huma mhux ser ikunu fl-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika. Andrew Borg u Marcelo Dias ġew preferut,i minn Giovanni Tedesco u bdew flok Romero u Ebisindor rispettivament. Lura għax-Xlukkajri Karl Micallef b’Messias u Bonnici jibdew fuq il-bank. Żewġ timijiet li bl-objettiv issa milħuq iħarsu lejn il-Closing Round tat-360Sport Malta Premier li jibda f’Jannar.

Manuel De Filippis ta’ Marsaxlokk bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI fi tmiem din il-ġimgħa spikkaw l-attendenzi miżeri li kellna matul il-partiti. U meta tikkunsidra li kien hemm logħbiet bħal B’Kara – Sliema, Floriana – Ħamrun fost l-oħrajn, kulħadd stenna aktar. Li kienet il-kesħa mhux skuża. Għax eżempju l-Ingilterra bi Storm Darragh fl-aqwa tagħha l-grounds xorta kienu mimlijin.

LI l-ewwel gowl li skorja Jurgen Degabriele nhar is-Sibt  jista’ jitqies bħala wieħed storiku hekk kif dan kien il-mitt gowl li skurjaw Hibernians kontra Mosta. B’kollox din kienet it-43 logħba ta’ bejniethom fl-ogħla diviżjoni, b’Hibernians jirbħu 29, Mosta 7 u s-7 l-oħra jispiċċaw fi draw.

LI  wara l-logħba bejn Sliema Wanderers u Birkirkara kien hemm xi inċidenti li jidher li fil-mira kien hemm fost l-oħrajn il-President ta’ Sliema Wanderers Keith Perry. Fil-fatt, l-istess klabb Slimiż ħareġ stqarrija dwar dan. Mingħajr ma’ nidħol fil-mertu ta’ x’ġara, l-appell tiegħi huwa biex inkunu aktar maturi u ta’ eżempju.