Lokali

“Għadu ma sarx biżżejjed biex tiġi evitata traġedja oħra” – Isabelle Bonnici

“Għadu ma sarx biżżejjed biex tiġi evitata traġedja oħra bħal dik ta’ Jean Paul Sofia.”

Kien dan li qalet Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia waqt laqgħa ta’ diskussjoni bit-titlu “Ġustizzja għall-Vittmi tal-Kostruzzjoni f’Malta”, li saret fil-Parlament Ewropew. Isabelle Bonnici qalet li kif f’Malta għandna kultura ta’ bullies u cowboys f’dan is-settur, li jippruvaw iwaqqfu lil dawk li jipprotestaw biex ma jħalluhomx ikomplu jikkawżaw ħsara.

Waqt id-diskussjoni li ttellgħet mill-Membru Parlamentari Ewropew, Peter Agius ħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw in-nuqqasijiet regolatorji sistematiċi fis-settur tal-kostruzzjoni li għadhom qed ipoġġu l-ħajjiet f’riskju. Ibbażat fuq dan li nstab u rrakkomandat fl-inkjesta Sofia, l-MEP Peter Agius talab għal riformi b’saħħithom u fl-istess waqt responsabbli biex tiġi żgurata l-ġustizzja għall-vittmi kwalunkwe u jiġu evitati iktar traġedji.

L-inkjesta Sofia sabet aktar minn 40 miżura kritika u meħtieġa, inkluż superviżjoni aktar stretta, eliminazzjoni ta’ permessi fast-track, u jkunu mandatorju r-rapporti ġeoloġiċi u ta’ sigurtà meta jsir xogħol ta’ skavar. Agius ikkritika r-rispons reattiv tal-gvern, u qal li “ma tagħmilx sens li jkollok il-leġiżlazzjoni mingħajr infurzar.”

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia pparteċipa wkoll fid-diskussjoni u wissa dwar il-konsegwenzi serji, bl-istorja kapaċi tirrepeti ruħha jekk ma jittiħdux azzjonijiet deċiżivi.

L-MEP Peter Agius temm l-intervent tiegħu b’sejħa għall-azzjoni u appell lill-Kummissjoni Ewropea biex ikun superviżjoni u gwida lill-awtoritajiet Maltin biex jiġi żgurat li r-riformi fis-sigurtà jiġu implimentati b’mod effettiv. Dan l-appell sab l-appoġġ tal-parteċipanti kollha.