Il-Gvern fil-Ġorġja qed jipprova jiġġustifika l-kampanja ta’ vjolenza fuq id-dimostranti li qed jipprotestaw dwar id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni biex tiffriża l-impenn għall-isħubija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea sal-2028.
F’intervista lill-aġenzija Euronews, il-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin tal-Ġorġja, Maka Botchorishvili, qalet li l-passi tal-pulizija fil-konfront tad-dimostranti hi ‘ġustifikata’ minħabba l-azzjonijiet ta’ xi gruppi vjolenti li infiltraw qalb in-nies biex imexxu l-attakki si fuq il-qawwiet għaz-zamma tal-liġi fi Tbilisi.
Botchorishvili kompliet li kulħadd għandu d-dritt li jipprotesta dment li l-protesti jibqgħu paċifiċi waqt li sostniet li ‘dan mhux il-każ’, fost akkużi li ’in-nies vjolenti xeħtu l-logħob tan-nar lejn il-pulizija minbarra li wettqu azzjonijiet vjolenti oħra’.
Il-protesti tal-massa dwar l-iffriżar tal-isħubija fl-UE għadhom kemm daħlu fit-tielet ġimgħa, bl-eluf tal-Ġorġjani qed ikomplu jesprimu r-rabja tagħhom fit-toroq.
Il-Ġorġjani huma determinati li jkomplu bid-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern sakemm id-domandi tagħhom jintlaqgħu u l-pajjiż jaqbad it-triq mill-ġdid lejn l-isħubija,…Dan meta huma qed jiffaċċjaw il-vjolenza ‘minn kull naħa’ u meta l-pulizija u l-qawwiet għal kontra l-irvellijiet mhumiex jimponu limiti għal kif jeżerċitaw il-poteri tagħhom – fost in-natura vjolenti tal-isforzi għaz-zamma tal-ordni.
Il-Pulizija mhix iżżomm lura milli tispara l-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma fuq id-dimostranti, fost il-mijiet tal-arresti – inklużi tal-Kapijiet tal-Oppożizzjoni. Dan ukoll meta l-għexieren tal-Ġorġjani qed jispiċċaw midruba b’riżultat tal-azzjonijiet mill-qawwiet għaz-zamma tal-ordni fi Tbisili u bliet oħrajn fil-Ġorġja.
//= $special ?>