Żvolta ġdida fil-kontroversja marbuta mal-Paola Hub, hekk kif dan iċ-Ċentru tas-Saħħa għadu sa issa magħluq. Bil-kuntratturi li bnew dan il-proġett jispiċċaw jiftħu proċess ta’ arbitraġġ kontra l-Gvern.
Sorsi li ġew ikkwotati mit-Times of Malta jindikaw li l-Gvern mhux talli se jiġbor multa ta’ żewġ miljun ewro… talli se jispiċċa joħroġ aktar miljuni minn flus il-poplu.
Fil-fatt – dejjem skont l-arbitraġġ – il-Gvern se jkollu joħroġ €1.8 miljun mit-taxxi tagħna lill-kumpanija Ergon-Technoline. U mhux se jirnexxielu jirkupra ż-żewġ miljuni f’multi.
Dan il-proġett tal-Paola Hub suppost ilu xhur sħaħ li fetaħ il-bibien tiegħu. Iżda sa issa, il-binja għadha vojta u l-proġett huwa kompletament wieqaf.
Mat-Times, il-Ministeru tas-Saħħa ma kkummentax għaliex jaf hemm ċans li din id-deċiżjoni tiġi appellata.
Hu x’inhu l-każ, jibqa’ l-fatt li dan iċ-Ċentru – li ssemma’ għal Ċensu Moran – għadu ma fetaħx. Dan b’detriment għar-residenti kollha tan-naħa t’isfel ta’ Malta li baqgħu jittamaw li tinżamm din il-wegħda.
Din il-ġimgħa stess, ix-Shadow Ministers tal-PN Adrian Delia u Ian Vassallo iddeskrivew din is-saga kollha bħala “ċertifikat ta’ falliment” għall-Gvern ta’ Robert Abela.
//= $special ?>