Jeħtieġ azzjoni tanġibbli u tollerazna zero fil-konfront tal-bullying fuq il-post tax-xogħol. Dan saħquh ix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Graziella Attard Previ hekk kif il-Partit Nazzjonalista ressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament għal kontra dan il-bullying.
Stħarriġ riċenti wera li 64% tan-nies f’pajjiżna jemmnu li jeżisti bbuljar fuq il-post tax-xogħol, u 40% esperjenzawh personalment tul l-aħħar sena waqt li tnejn minn kull għaxar impjegat sfortunatament, iħabbtu wiċċhom ma’ dan il-fastidju kuljum.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-ebda forma ta’ bullying m’għandha tkun tollerata fuq il-post tax-xogħol. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan tressaq Private Member’s Bill fil-Parlament.
Ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Ugwaljanza Graziella Attard Previ spjegaw kif il-bullying fuq il-post tax-xogħol huwa kwistjoni serja li taffettwa l-benesseri tal-ħaddiema u l-produttività.
Ivan Castillo qal li l-NGO bBrave ħarġet rapport li juri r-realtajiet iebsa li jiffaċċjaw bosta impjegati f’Malta. Ir-riżultati kienu xokkanti, bl-istħarriġ jiżvela li 20% iħabbtu wiċċhom ma’ din il-fastidju jum wara l-ieħor.
L-abbozz ta’ liġi jesiġi li kull kumpanija b’aktar minn 49 impjegat timplimenta policy kontra l-bullying. Din il-policy tiddeskrivi x’inhu bullying, turi l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi indirizzat, u timponi miżuri dixxiplinarji kontra dawk kollha li jwettqu l-bullying – irrispettivament minn min huma jew xi grad għandhom.
Filwaqt li rringrazzjaw ukoll lix-Shadow Minister għas-Saħħa Mentali Ian Vassallo tal-kontribut tiegħu għal dan l-abbozz ta’ liġi, ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ saħqet li din il-liġi qed titressaq proprju fil-kuntest li l-bniedem iqatta’ ħafna ħin fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li x-xogħol huwa importanti għall-bniedem.
Attard Previ spjegat x’jikkostitwixxi bullying fuq il-post tax-xogħol, fosthom atti ta’ intimidazzjoni, theddid, iżolament, żebliħ, inkejja u umiljazzjoni, deadlines mhux possibbli, u atti oħrajn. Hija spjegat ukoll l-effetti kbar u negattivi li dan ikollu kemm fuq l-impjegat kif ukoll fuq l-organizzazzjoni, fosthom stress, problemi ta’ saħħa mentali u fiżika, inqas produttività, aktar sick leave, u saħansitra r-riżenja minn xogħolhom.
Dan filwaqt li insistiet li tali policy proposta se tagħti s-soljev li l-vittmi jħossuhom komdi jitkellmu.
//= $special ?>