Lokali Qorti

Il-Qorti twaqqaf il-permess ta’ żvilupp ta’ lukanda fuq 11-il sular

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, bidlet deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar dwar applikazzjoni għal żvilupp ta’ lukanda ta’ 11-il sular f’zona residenzjali f’Tas-Sliema.

L-applikazzjoni kienet tinkludi t-twaqqigħ tal-binja eżistenti u skavar biex tibni tliet sulari taħt l-art u 11-il sular fuq l-art, bl-aħħar tnejn ikunu rtirati ‘l ġewwa. Is-sena li għaddiet l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess għal dan l-iżvilupp fi Triq Parisio u Triq Moroni, fejn qalet li għalkemm iz-zona hija residenzjali, f’dan il-każ applikat il-politika ta’ flessibbiltà peress li l-iżvilupp jinsab viċin ix-xatt,

Madankollu, din id-deċiżjoni sabet oġġezzjoni kbira mir-residenti u għaqdiet tal-ambjent. Għal din id-deċiżjoni keinu oġġezzjonaw il-Moviment Graffitti u għadd ta’ residenti, li argumentaw li għal din iz-zona residenzjali l-pjan lokali jippermetti għoli sa massimu ta’ erba’ sulari, u li żvilupp ta’ lukanda ġdida huwa permess biss f’zoni indikati.

It-Tribunal ta’ Reviżjoni laqa’ l-appell tal-NGO u r-residenti, iżda bagħat l-applikazzjoni lura lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tikkunsidra l-applikazzjoni mill-ġdid bħala hostel, minflok lukanda, peress li din hija permessa fiz-zona.

Minn din id-deċiżjoni appellaw kemm ir-residenti u anki l-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Qorti tal-Appell, qablet mar-residenti li t-Tribunal ma kellux il-jedd li jibgħat din l-applikazzjoni lura lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid bħala hostel, minflok lukanda.

La darba t-Tribunal laqa’ l-aggravju prinċipali tal-appell tat-terzi u kkonferma li l-iżvilupp ta’ hotel imur kontra dak li jrid il-pjan lokali, u ma hemm ebda ‘commitment’ li jxejjen dak li jrid il-pjan lokali u d-deżinjazzjoni taz-zona, messu u kellu jieqaf hemm.

Għal din ir-raġuni l-Qorti laqgħet l-appell tar-residenti u ddikjarat il-permess għal-lukanda huwa null u bla effett.