Edukazzjoni Lokali

Inċertezza fl-MCAST: “L-istudent spiċċa vittma”

“L-istudent spiċċa vittma ta’ din is-sitwazzjoni.”

Dan kien is-sentiment espress minn student tal-inġinerija li kien mistieden fil-programm NETLIVE, it-Tnejn filgħaxija, fejn iddiskuta l-kwistjonijiet li qed jolqtu lill-istudenti tal-MCAST minħabba t-tkaxkir tas-saqajn fuq il-ftehim kollettiv tal-letturi.

Dan l-istudent iddeskriva l-inċertezza li qed tħalli mijjiet ta’ żgħażagħ inkwetati dwar il-futur tagħhom.

Fil-fatt, bosta jinsabu mħassba jekk hux se jirnexxielhom isibu xogħol f’każ li tippersisti din is-sitwazzjoni, filwaqt li oħrajn, speċjalment dawk fl-aħħar sena, qed jinkwetaw dwar jekk ikollhomx jirrepetu sena oħra ta’ studji.

Għalkemm qed isiru xi protesti, ħafna studenti għadhom ma jirrealizzawx il-gravità tas-sitwazzjoni u qed jibqgħu lura milli jieħdu inizjattiva biex isemmgħu leħinhom.

Minkejja kollox, l-istudenti bħalissa qed jibqgħu jattendu l-lekċers fl-MCAST, bit-tama li tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Quddiem din is-sitwazzjoni urġenti… huwa insista li l-istudenti qed jibqgħu jittamaw li l-kwistjoni tal-ftehim kollettiv tissolva fi żmien qasir, u li l-Gvern jasal għal qbil.