Sport

Ir-Royal Malta Golf Club torganizza t-Tazza tan-Nazzjonijiet 2024

Ir-Royal Malta Golf Club organizzat it-Tazza tan-Nazzjonijiet fejn erba’ timijiet ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni. Fil-fatt Team Malta kkompetew kontra l-Iskandinavi u n-Nordiċi filwaqt li r-Renju Unit u l-Irlanda lagħbu kontra plejers li ġejjin minn pajjiżi oħra differenti.

F’ambjent ta’ ħbiberija iżda b’riħ u xita li ħakem il-korsa tal-golf fil-Marsa, il-plejers Maltin kellhom riżultati mħallta. Nicky Beck u Luc Schembri lagħbu kontra Tony Kjaldstrom u Tore Lindtveit u tilfu wara li dan tal-aħħar irreġistra sitt birdies. Mill-banda l-oħra kellna r-rebħa ta’ Ruud Critien u David Urpani li għelbu lil Toni Westerholm u Alex Hillblom.

Rebħa oħra wettquha Andrew u Peter Naudi li għelbu b’mod drammatiku lil Miika Mustonen u Harri Lehtniemi. Kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Maurice Gruppetta, Stephen Pandolfino, Martin Azzopardi, u Patrick Baldacchino li kienu parti minn tim Malta.

Sadanittant ir-riżultat finali wara dan il-logħob xaqleb favur l-Iskandinavi u n-Nordiċi li għelbu lill-Maltin tliet punti u nofs għal żewġ punti u nofs.

Sadanittant fil-logħob l-ieħor, kienu The Rest li għelbu lir-Renju Unit u l-Irlanda tliet punti u nofs għal żewġ punti u nofs. Fost ir-riżultati, Gernot MacSchmid u Danijel Bogdanovic għelbu lill-Irlandiżi Patrick Cary u James Lynam filwaqt li l-Britanniċi Tim Cleasby u David Barry għelbu lill-plejers żgħażagħ Noah Gratil u Aleks Vagimov. Dorien Meced u Moses Kiberu minn The Rest kienu aħjar minn Paddy Mann u David Mansfield filwaqt li Steve Patterson u Steve Dodds għelbu lil Peter Canaki u Hugo Zhang.

Finalment, f’konfront bilanċjat Eugene Cranley u Eugene McCooey spiċċaw bl-istess numru ta’ punti kontra l-Grieg Panos Baltzis u l-Franċiż Gaetan Aubin.

Fi tmiem l-attivita’ Craig Welsh u Jozef Spiteri f’isem l-isponsor The Spectrum IFA Group ippreżentaw tifkira tal-okkażjoni.

It-tieni ġurnata ta’ dan il-logħob se ssir nhar it-Tnejn 10 ta’ Frar fejn din id-darba Malta tilgħab kontra The Rest filwaqt li r-Renju Unit toħodha kontra l-Iskandinavi/Nordiċi.