Internazzjonali

Ir-Rumanija: Koalizzjoni tal-partiti pro-Ewropa għall-għaqda u l-istabbiltà

Il-partiti favur l-Ewropa fir-Rumanija qablu li jiffurmaw Gvern ta’ maġġoranza waqt li, ‘il quddiem, jingħaqdu wara kandidat ‘uniku u partikulari’ fl-elezzjonijiet ġodda għall-Presidenza tal-pajjiż. L-elezzjonijiet li se jsiru wara li r-riżultati tal-ewwel rawnd elettorali kienu invalidati proprju matul il-ġimgħa li għaddiet.

Il-Partit PSD – Soċjal Demokratiku – tax-xellug – kien rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjonijiet parlamentari li saru fir-Rumanija fl-Ewwel ta’ Diċembru. Madankollu, diversi partiti estremisti tal-lemin ukoll irreġistraw iż-żidiet fl-appoġġ popolari u bil-kandidati tagħhom qed jikkontrollaw aktar minn 30 fil-mija tas-siġġijiet fil-Parlament ta’ Bucharest.

Sadanittant, il-koalizzjoni ġdida qed tinkorpora lill-PSD; il-Partit PNL (Nazzjonali taċ-Ċentru) taċ-ċentru-lemin; l-Unjoni USR (Salvazzjoni tar-Rumanija) taċ-ċentru u l-UDMR (l-Alleanza Demokratika tal-Ungeriżi fir-Rumanija) li wkoll iħaddan politika taċ-ċentru lemin –koalizzjoni li, bħala kollettiv, tissupera lill-avvanzi politiċi tal-estremisti tal-lemin.

L-erba’ partiti f’din il-koalizzjoni, qabel, kienu involuti fil-battibekki dwar diversi issues ta’ politika iżda huma, issa, qablu biex jikkonsolidaw front ta’ għaqda għall-interess nazzjonali.

Stqarrija tal-koalizzjoni qalet li ‘l-partiti pro-Ewropa qed jaħsbu biex ikattru l-fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali u fil-klassi politika permezz ta’ stil xieraq ta’ governanza, trasparenza fil-qasam tal-infiq pubbliku u, speċjalment, fejn jidħol ir-rispett għaċ-ċittadin’.