Lokali

“Is-suċċessi li qed jinkisbu huma grazzi għalikom” – Bernard Grech

Is-suċċessi li qed niksbu u li għad iridu jinkisbu huma frott l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnkom.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors li wassal waqt attività socjali organizzata fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista… bħala parti mill-festi tal-Milied.

Bernard Grech irringrazzja lil dawk kollha li gimgħa wara oħra u xahar wara ieħor jagħtu appoġġ kontinwu lit-tmexxija u l-ħaddiema tal-PN u tal-midja tiegħu – filwaqt li insista li quddiemna għandna sentejn ta’ ħidma kruċjali.

Ħidma li se tkun qed twassalna għal Elezzjoni Ġenerali, u li tiġi meta tiġi, inkluż grazzi għall-appoġġ tal-voluntieri, il-Partit Nazzjonalista se jkun lest għaliha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa dmir tagħna li noffru s-soluzzjonijiet, noffru l-ħeġġa u mhux il-qtigħ il-qalb, id-dawl u mhux id-dlam, il-proposti bil-fatti u mhux kliem u wegħdiet fl-arja. U huwa għalhekk li għaddej proċess importanti, immexxi minn George Vital Zammit, biex jitfassal Programm Elettorali b’saħħtu.

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista verament huwa l-Gvern alternattiv u li dan il-poplu qed jirrealizzah – tant li fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Ħadd inġabru €70,000 aktar mill-maratona tas-sena preċedenti; b’numru ta’ persuni li ċemplu u taw id-donazzjonijiet tagħhom saħqu li huma ġejjin minn familja Laburista iżda din id-darba se jkunu qed jagħtu l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista. 

Matul din is-sena wkoll kien sinifikanti l-fatt li komplew jiżdiedu l-udjenzi ta’ Net Television u Net FM. Dan apparti r-riżultat importanti li nkiseb fl-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali.