Lokali

Is-Super One gideb biss, gideb spiss – gidba li ssejħet laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN

Il-Labour jipprova jitfa’ l-problemi interni ta’ Robert Abela fuq ħaddieħor

Il-Labour u s-Super One ma jifilħux jaqgħu aktar fil-baxx u m’għandhomx limitu fejn jidħol il-gideb.

Illum ivvintaw li ssejħet xi laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jew li se jkun hemm xi riżenja ta’ xi deputat mill-Grupp Parlamentari tal-PN.

Il-PN qal fi stqarrija li Robert Abela tilef il-kontroll tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari Laburista tant li ġie mġiegħel jagħmel numru kbir ta’ u-turns mid-deputati tiegħu fl-aħħar ftit xhur, u issa tant spiċċa dahru mal-ħajt li l-midja tiegħu qed tinfexx tigdeb u tipprova titfa’ l-ġlied li hemm fil-Grupp Parlamentari Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista.

Iktar ma jigdeb il-Partit Laburista biex jipprova jsalva ġild Robert Abela, iktar isaħħaħ il-Partit Nazzjonalista biex ikompli bil-ħidma tiegħu biex jeħles lil pajjiżna minn dan il-Gvern negattiv u bla ideat.

Dan mhu xejn ħlief fake news – xi ħaġa li jispeċjalizza fiha l-istazzjon tal-Labour taħt Robert Abela.

Is-Super One u l-aħbarijiet tiegħu saru fabbrika ta’ gideb biss, gideb spiss.