Internazzjonali

L-Ukrajna: Aktar ċivili maqtula fost l-attakki tar-Russi fuq il-poplu ta’ Zaporizhzhia

Numru sinifikanti ta’ Ukreni – fil-parti kbira nett ċivili u tfal – inqatlu waqt sparatura ta’ missili mill-qawwiet Russi fuq il-belt ta’  Zaporizhzhia,  lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna. Fl-attakk indarbu l-għexieren tan-nies, bir-Russja qed tkompli bil-kampanja ta’ ‘terrur u intimidazzjoni’ fil-konfront tal-poplu Ukren meta l-gwerra tal-Ukrajna qed tavviċina t-tielet sena.

Fl-aħħar sigħat, l-iskwadri għall-emerġenzi f’dik il-belt kienu qed jippruvaw isalvaw lill-persuni li ntradmu taħt it-tifrik tal-bini milqutin bil-missili…Dan wara li l-qawwiet Russi konċentraw l-attakki fuq klinika privata u numru ta’ bini residenzjali fil-qalba ta’  Zaporizhzhia …

Fl-aħħar sigħat kien hemm anki r-rapporti dwar xi nisa li kienu salvati minn taħt it-terrapien fost il-ħidma ta’ ‘search and rescue’ kontinwa.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tar-reġjun ta’ Zaporizhzhia, Ivan Fedorov, qal li fl-attakk fuq il-belt intużaw il-missili ballistiċi tat-tip Iskander – bil-Ministeru tad-Difiża Russu ma jikkummentax.

Mifhum li l-vittmi tal-attakk għandhom jaqbżu sew l-għaxra u bl-awtoritjiet Ukreni qed jippreparaw għall-‘agħar possibbiltà’ f’termini ta’ maqtula ladarba toħroġ iċ-ċifra finali . Intant, il-Gvern Ukren, permezz ta’ stqarrija, sostna li r-Russja ‘għandha tħallas għal dan il-qtil indiskriminattiv u l-fatt li qed timmira speċifikament lejn iz-zoni taċ-ċivili fl-Ukrajna’.

Dan fost il-konferma għal perjodu ta’ luttu uffiċjali fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia.

L-Ukrajna, sadanittant, qed tkompli titlob lill-Alleati tal-Punent biex jipprovdulha aktar sistemi sofistikati li jiddefenduha kontra l-attakki mill-ajru tar-Russi…Attakki dominati bil-missili u d-drones li, issa, saru ħaġa ta’ kuljum,

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky , fl-aħħar sigħat, qal li dak li seħħ ftit tal-ħin ilu f’Zaporizhzhia għandu jirrinforza dawn it-talbiet għaliex l-Ukreni mgħandhomx biżżejjed sistemi li jipproteġuhom minn dawn l-attakki. ‘L-Alleati tagħna għandhom minn dawn is-sistemi li għandhom jintużaw biex isalvaw il-ħajja tal-Ukreni u mhux biex jiġbru t-trab fid-depots, ‘ sostna Zelensky.