- Kienu qed jużawh biex jitraffikaw id-droga
- Il-vittma tqatta’ bil-mannara wara li miet
- Mhux eskluż li kienu se jsifruh b’titjira lejn destinazzjoni Ewropea
NET NEWS jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li r-raġel b’diżabbiltà li nstab imqatta’ biċċiet f’bagalja f’wiċċ il-baħar fl-inħawi tal-Gżira, kien qed jintuża’ bħala mezz biex tiġi trasportata d-droga. Tant li hu spiċċa miet wara li l-istess droga “nfaqgħet” fl-intern tiegħu.
Din hija t-teżi li qed jimxu fuqha l-investigaturi li għadhom qed jistħarrġu l-każ makabru tal-katavru li t-Tnejn instab fl-inħawi ta’ The Strand; bil-bagalja tittella’ mill-baħar wara li kienet intlemħet minn raġel Skoċċiż.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ NET NEWS qalulna li l-mannara ma ntużatx biex inqatel il-vittma, imma biex tqatta’ l-katavru tiegħu. Dan għaliex ir-raġel miet kawża tal-istess droga li kienu poġġewlu fih sabiex tiġi trasportata.
Il-mannara jidher li nxtrat minn ironmongery fin-Naxxar.
Mhux eskluż li l-vittma kien se jaqbad titjira ‘l barra mill-pajjiż. U dawk li “użawh” għażlu b’mod konxju persuna b’diżabbiltà sabiex ma jsirux daqstant tfittxijiet fuqu.
Il-bagalja suspettuża nxtrat min-Naxxar
Din l-istorja taf il-bidu tagħha mill-bagalja li ntlemħet it-Tnejn fl-inħawi ta’ Manoel Island, għall-ħabta tas-2pm.
Il-Pulizja marru fil-post flimkien ma’ tim tal-forensika, u meta tellgħu l-bagalja sabu fiha biċċiet ta’ fdalijiet umani li ma kenux fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. U meta l-investigaturi fittxew fil-qiegħ bl-għajnuna tal-AFM, sabu anke l-idejn u s-saqajn tal-vittma.
Is-sorsi mid-Depot qalulna li l-vittma għandu bejn 40 u 50 sena.
Minbarra l-mannara, l-investigaturi jemmnu li mill-ħanut tan-Naxxar, il-qattiel xtara wkoll il-bagalja.
//= $special ?>