Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar l-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja għall-Pubblikaturi u l-Awturi minn Malta. Il-parteċipanti magħżula se jkunu jistgħ u jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom f’katalgu ta’ drittijiet ta’ barra li se jitqassam waqt il-London Book Fair 2025, li se ssir fl-Olympia f’Londra mill-11 sat-13 ta’ Marzu, u f’fieri internazzjonali oħrajn fl-2025.
L-għan tal-inizjattiva hu li tipprovdi pjattaforma mnejn il-pubblikaturi u l-awturi jkunu jistgħu jippromwovu sa ħames kotba tal-għażla tagħhom f’dal-katalgu, li se jkun jinkludi kotba rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll informazzjoni dwar il-Fond Malti tal-Ktieb. Dawn tal-aħħar se jkunu kkurati mill-KNK.
Minkejja ż-żieda fl-aċċessibbiltà għal teknoloġiji ta’ komunikazzjoni, kumpaniji iżgħar u indipendenti qed jaffaċċjaw sfidi sabiex jistabbilixxu ruħhom fuq livell globali. Il-KNK jifhem id-diffikultajiet li jkollhom jaffaċċjaw il-pubblikaturi u l-awturi Maltin sabiex jinnavigaw fis-suq tal-pubblikazzjoni internazzjonali, u allura kommess li jissapportjahom ħalli jiksbu s-suċċess. Bħala parti mill-inizjattiva, il-KNK se jfassal dal-katalgu li jħaffef il-proċess sabiex pubblikatur jew awtur Malti jkellem jew jiltaqa’ ma’ msieħba importanti fl-industrija. Il-katalgu se jkun fih informazzjoni estensiva dwar il-pubblikazzjonijiet magħżula.
Dettalji dwar l-inizjattiva
L-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja miftuħa għall-pubblikaturi Maltin li għandhom id-drittijiet tax-xogħlijiet li beħsiebhom iressqu biex ikunu inklużi fil-katalgu Malti ta’ drittijiet barranin għall-2025. Jekk għad m’hemmx ftehim jew kuntratti li jiddelineaw ċar min hu d-detentur tad-drittijiet, tajjeb li l-applikanti jħabirku sabiex dawn isiru mal-awturi tal-kotba qabel ma japplikaw għall-inizjattiva, jew tal-inqas sa qabel id-dati tal-London Book Fair 2025. Biex ikun eliġibbli, l-applikant irid ikun lest li jipparteċipa bi ħġaru fl-isfera tal-esportazzjoni tal-letteratura Maltija. Kull pubblikatur jista’ jissottometti sa 5 kotba biex jiddaħħlu fil-katalgu.
L-awturi mħeġġa jikkuntattjaw lill-pubblikatur tagħhom jekk jixtiequ li xogħolhom jidher f’dal-katalgu.
L-applikazzjoni għall-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja għall-Pubblikaturi u l-Awturi minn Malta tagħaq fis-7 ta’ Jannar 2025. Il-parteċipanti jistgħu japplikaw ukoll għal massimu ta’ żewġ biljetti ta’ dħul b’xejn għal-London Book Fair 2025, u anki jużaw sa massimu ta’ darbtejn l-imwejjed u l-ispazju tal-istand tal-KNK 6A34) biex jagħmlu l-laqgħat (id-disponibbiltà tkun ikkomunikata minn rappreżentant tal-KNK). Inkella, ir-rappreżentanti tal-KNK iridu jkunu mgħarrfa bid-dettalji dwar xi talba relatata mal-kotba. Negozjati li jseħħu wara l-fiera msemmija jsiru mid-detentur tad-drittijiet, kif se jkun indikat fil-katalgu.
Il-pubblikaturi li se japplikaw għal din l-inizjattiva mitluba jassiguraw id-drittijiet għat-traduzzjoni mill-awtur (bil-kitba). Importanti li mhux kull ktieb sottomess ifisser li se jidher fil-katalgu ta’ drittijiet ta’ barra. Se jkun hemm bord maħtur apposta li se jaħdem fil-qrib mal-KNK biex ikun iffinalizzat il-katalgu.
Linji gwida u s-sottomissjoni tal-applikazzjoni
Is-suċċess tat-tieni edizzjoni tal-katalgu tad-drittijiet barranin tal-KNK iserraħ mhux biss mil-lista kkurata ta’ kotba li l-pubblikaturi qed iressqu bil-ħsieb li jesponu l-letteratura Maltija fis-suq tal-pubblikazzjoni internazzjonali, iżda jiddependi wkoll fuq kif kull pubblikazzjoni qed tiġi ppiċċjata u ppreżentata effettivament lix-xerrejja tad-drittijiet prospettivi.
L-aġent letterarju Simon Trewin, li għandu ’l fuq minn 30 sena t’esperjenza fin-negozju tad-drittijiet internazzjonali, għandu xi pariri utli dwar kif għandek tikteb Karta tal-Informazzjoni Avvanzata, li l-KNK bi pjaċir qed jaqsam mal-pubblikaturi u l-awturi Maltin. Trewin jissuġġerixxi “deskrizzjonijiet tal-proġetti ċari li jqanqlu interess”, “titli komparabbli” u “test konċiż u ffukat” sabiex twassal pitch li tiġbdek. Fil-messaġġ tiegħu, li tista’ taqra hawnhekk, jispjega dawn il-linji gwida f’aktar dettall.
//= $special ?>