Lokali Parlament

Problemi fit-toroq f’Ħal Balzan


Justin Schembri, PN


Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri qal fl-Aġġornament tal-Parlament li f’Ħal Balzan hemm problemi f’diversi toroq minħabba xogħlijiet mhux lesti li issa ilhom żmien twil.

Justin Schembri tkellem dwar diversi problem f’Ħal Balzan u qal li hemm diversi ilmenti ġurstifikati mir-residenti minħabba l-istat li jinsabu fih numru ta’ toroq. Fl-aħħar tmien xhur il-WSC u l-Enemata kienu qed jagħmlu xogħlijiet fit-toroq iżda dawn għadhom mhux konklużi bil-konsegwenza li l-kuntrattur ħalla lir-residenti fi stat diżastruż. Dawn huma toroq li nqalgħu u twittew b’mod mhux xieraq u llum anki jinsabu fi stat perikoluż. Minbarra dawn, hemm ukoll diversi problemi fil-bankini tal-lokal. Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kunsill Lokali mhuwiex jingħata biżżejjed informazzjoni dwar kif jista’ jirrelata mar-residenti.

Justin Schembri qal li l-gvern qed jagħti l-libertà kollha lill-kuntrattur biex jittrateni fix-xogħlijiet tiegħu f’diversi toroq u issa l-WSC, biex tiġġustifika din is-sitwazzjoni, qed tgħid li għandha skeda ġdida biex jitlesta x-xogħol. Dan wara tmien xhur ta’ xogħlijiet li qatt ma tlestew.

Dan hu diżappuntanti ħafna għaliex it-toroq residenzjali għandhom ikunu l-ambjent sikur tar-residenti nnfushom għaliex mhux aċċettabbli li l-anzjani jaqgħu fit-toroq u jweġġgħu. Mhux aċċettabbli lanqas li l-kunsill lokali ma jkunx jista’ jwieġeb il-mistqosijiet tan-nies għaliex ma jkollux l-informazzjoni. Hu appella biex il-kuntratti ma jingħatawx il-libertà li ma jlestux ix-xogħlijiet fit-toroq.