Lokali Qorti

Raġel akkużat li seraq scooter jinżamm arrestat

Raġel akkużat li seraq scooter inżamm taħt arrest preventiv wara li biddel id-deċiżjoni tiegħu minn mhux ħati għal ħati, u mbagħad deher konfuż dwar id-deċiżjoni tiegħu. Christian Faranda Gnao ta’ 34 sena, ġie mixli li seraq scooter minn blokk ta’ appartamenti f’San Ġiljan, inżamm arrestat wara li inizjalment qal li huwa ħati, u sussegwentement beda juri inċertezza dwar dak li qal.

Fit-28 ta’ Ottubru 2024, l-Għassa ta’ San Ġiljan irċeviet rapport li l-akkużat kien seraq scooter ta’ raġel ieħor mill-blokk ta’ appartamenti tiegħu. Il-Pulizija raw filmati tas-CCTV u żvelaw li r-raġel kien poġġa l-iscooter fuq spallejh u telaq bih. Il-Pulizija kienet għamlet tfittxija għar-raġel iżda ma rnexxilhiex issibu.

Fis-6 ta’ Diċembru li għadda waslet informazzjoni dwar fejn kien ir-raġel, u tlett ijiem wara l-ispettur ħareġ mandat ta’ arrest u r-raġel ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Sussegwentement, fakkar l-ispettur fil-Qorti, il-Pulizija fittxew fir-residenza ta’ Gnao u nstabu proprju l-ħwejjeġ li kien liebes waqt li kien seraq l-iscooter fir-residenza tiegħu.

Wara l-arrest tiegħu, waqt interrogazzjoni sussegwenti, l-ispettur qal lill-Qorti li r-raġel ammetta għall-mistoqsijiet tal-Pulizija dwar l-atti li kien wettaq. Iżda fil-Qorti, ir-raġel wieġeb mhux ħati. Madankollu, ftit wara, Gnao biddel id-deċiżjoni tiegħu għal waħda ta’ ħtija.

Malli l-Maġistrat qalet lir-raġel dwar il-konsegwenzi possibbli tal-ammissjoni tiegħu, jiġifieri piena massima ta’ ħabs, u l-multi li qed jiffaċċja r-raġel deher ixxukkjat, viżibbilment deher imħawwad. Ir-raġel hawn qal: “Jien konfuż, ma nafx”.

Il-Qorti nnutat dak li wieġeb ir-raġel, li r-raġel kien qed jidher emozzjonat, u li r-raġel ma jafx xkien qed jiġri. Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, kienet tal-fehma li, fid-dawl tal-bidla fir-ħsieb tar-raġel, l-akkużat qed iwieġeb mhux ħati, u d-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest tiegħu. B’hekk ir-raġel inżamm arrestat.

Dan huwa każ li għadu għaddej. L-uffiċjal tal-Pulizija żvela li r-raġel kien wettaq reat preċedenti, li għalih bħalissa kien qed jiskonta sentenza sospiża.

L-Avukat Ylenia-Marie Abela għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Darryl Farr u Eman Hayman mexxew il-Prosekuzzjoni.