Lokali Qorti

Raġel li kiser tliet kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja nżamm arrestat wara rapport mill-eks sieħba tiegħu

Raġel inżamm arrestat wara li allegatament ikkonfronta lill-eks sieħba tiegħu bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Il-Qorti wriet tħassib dwar l-affidabbiltà u r-riskji kontinwi tal-akkużat. Huwa ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest billi kkonfronta lill-eks sieħba tiegħu qrib villa abbandunata u għalhekk inżamm arrestat.

L-ispettur qal fil-Qorti kif nhar it-Tnejn, mara rrapportat lill-eks sieħeb tagħha fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija. Hi qalet li wara li spiċċat mix-xogħol nhar il-Ħadd, għall-ħabta tas-7:15pm waqt li kienet fi triqitha lejn darha u kienet waslet ħdejn kantuniera fi triq fejn kien hemm villa abbandunata, qabeż raġel b’hoodie sewda u ħasad lill-mara.

Il-mara ndunat li dan ir-raġel kien l-eks sieħeb tagħha. Malli kkonfrontatu, ir-raġel qal li ma ridiex tagħmel rapport lill-Pulizija u qal li kien sempliċement qed iħares lejn il-villa. L-ispettur żvela li r-raġel kellu numru ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja imposti fuqu, bħal ordni ta’ trażżin u ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tiegħu.

Fid-dawl ta’ dak li għamel ir-raġel, u wara r-rapport tal-mara, l-Ispettur ħareġ mandat ta’ arrest, u r-raġel ġie arrestat ftit wara. Sussegwentement ir-raġel ġie interrogat u ċaħad dak kollu li staqsietu l-Pulizija. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Għal dan, il-prosekuzzjoni u l-parte civile oġġezzjonaw fuq il-bażi li l-imputat mhuwiex affidabbli minħabba li l-akkużat allegatament kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ preċedenti. Id-difiża rrispondiet billi qalet li jekk ir-raġel jingħata l-libertà mill-arrest tiegħu, se jħalli r-residenza f’madwar jumejn. “Il-problema hija li jgħixu fl-istess dar,” id-difiża kkonkludiet.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, u b’hekk ir-raġel inżamm taħt arrest preventiv.

L-Avukat Edmond Cuschieri deher parte civile. L-Ispettur Antonello Magri mexxa l-prosekuzzjoni.