Allegat qattiel mill-Ghana li kien qed jistenna li jgħaddi ġuri wara li ta daqqiet ta’ sikkina fatali fil-Marsa tliet snin ilu, reġa’ spiċċa fl-inkwiet ġdid meta aggredixxa u rreżista b’mod vjolenti żewġ pulizija li ġew ordnati jerġgħu jarrestawh talli kiser l-ordnijiet tal-libertà proviżorja.
Amo Frank Kwaku ta’ 28 sena, allegatament qajjem kommossjoni meta l-Pulizija marret id-dar tiegħu tal-Marsa biex tesegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ mill-Qorti Kriminali wara li l-akkużat naqas milli jkun preżenti diversi drabi għas-seduti tal-Qorti.
Allegatament ir-raġel beda jirreżisti waqt li kien skortat fil-karozza tal-Pulizija u wkoll aktar tard fil-lock-up. Sussegwentement ġie mixli li weġġa’ ħafif lill-pulizija, li rreżista l-arrest, li insulentahom u li heddidhom, li rrifjuta li jobdi ordnijiet leġittimi kif ukoll li pprova jaħrab mill-kustodja tal-Pulizija.
Huwa wieġeb mhux ħati. Fl-2021 Kwaku wieġeb mhux ħati li qatel lil Isaac Kwabena Kyere ta’ 23 sena. Il-vittma Isaac Kwabena Kyere ta’ 23 sena, inqatel b’daqqiet ta’ sikkina wara li tard fl-10 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena nqalgħet ġlieda fi Triq it-Tiġrija.
Kyere instab wiċċu ’l fuq, mitluf minn sensih f’għadira demm u ġie ddikjarat mejjet fuq il-post. L-Erbgħa, il-Qorti semgħet kif iż-żewġ uffiċjali li aggredixxa ġew eżaminati fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u ċċertifikati li qed isofru ġrieħi ħfief.
L-imputat ġie ċċertifikat ukoll bħala tajjeb għall-interrogazzjoni u l-prosekuzzjoni. L-avukati tiegħu ma talbux il-libertà proviżorja iżda talbu lill-qorti biex taħtar psikjatra biex jeżamina lill-akkużat u jirrapporta lill-qorti dwar l-istat mentali tiegħu. L-Ispettur Elisia Scicluna mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit kienu avukati difensuri.