Internazzjonali

Sfidi kbar għas-Sirja wara Assad: L-Ewropa ottimista u fl-istess ħin imħassba dwar il-futur tal-poplu

Il-kollass sopriża tar-reġim ta’ Bashar al-Assad ħalla lis-Sirja f’salib it-toroq wara kważi 13-il sena ta’ gwerra ċivili devastanti….Sitwazzjoni li anki qed tħalli implikazzjonijiet kbar għall-Ewropa fejn fl-aħħar snin komplew jikbru l-komunitajiet tas-Sirjani li kienu kostretti li jaħarbu mill-konflitt.

L-Unjoni Ewropea, intant, qed issegwi l-iżviluppi fis-Sirja b’interess enormi u meta Kaja Kallas, l-eks Prim Ministru tal-Estonja li llum hi responsabbli mill-Affarijiet Barranin tal-Unjoni, fissret il-ħarba minn Damasku tal-President Sirjan Bashar al-Assad bħala ‘xi ħaġa pożittiva u li kienet ferm mistennija’.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, enfasizzat l-importanza ‘tal-ġranet li jmiss għall-futur u t-tmexxija tas-Sirja’.

Sadanittant, kulħadd jibqa’ konxju mill-element ta’ periklu u d-diversi possibbiltajiet koroh li kapaċi, ‘il quddiem, iħallu impatt negattiv qawwi mhux biss għas-Sirja iżda anki għall-Istati ġirien, kif ukoll għall-Ewropa.

Kaja Kallas, filwaqt li ħeġġet għall-protezzjoni tal-minoranzi u l-libertà tar-reliġjon fis-Sirja, tkellmet anki dwar il-possibbiltà li xi grupp fis-Sirja jipprova ‘minn kollox’ biex jikseb aktar poter u influwenza għall-iskaptu tal-poplu. Hi spjegat li dan il-punt bilfors li jqajjem l-inkwiet għaliex fis-Sirja hemm numru sinifikanti ta’ gruppi bl-ambizzjonijiet rispettivi tagħhom.

Fl-istess ħin, Kallas, għan-nom tal-Unjoni, qed tħeġġeġ biex iż-żerniq ġdid għas-Sirjani ma jispiċċax iddominat bl-għatx għat-tpattija u ritaljazzjoni fuq in-nies li kienu qed jappoġġjaw lill-eks-reġim — inkella l-konfronti diretti bejn il-gruppi tas-Sirjani opposti.

Għaldaqstant, il-ġimgħat li jmiss għandhom jiddeterminaw jekk is-Sirja, din id-darba, taqbadx id-direzzjoni t-tajba inkella tispiċċax staġnata fil-politika ta’ konfrontazzjoni.

Dan waqt li t-tranżizzjoni tal-poter f’Damasku qed jippreżenta sfidi kbar għas-Sirjani kollha, b’Kaja Kallas issemmi s-sogru persistenti ta’ vjolenza, estremiżmu, l-implimentazzjoni ta’ politika radikali, l-użu tar-reliġjon bħala arma u t-terroriżmu li lkoll iridu jkunu evitati biex is-Sirja ma tgħaddix mill-istess xenarji bħal tal-Iraq, il-Libja u l-Afganistan.

Fil-preżent, il-grupp Hayat Tahrir al-Sham (HTS), li mexxa l-offensiva kontra Assad, flimkien ma’ gruppi oħrajn ta’ Islamisti armati, qed jikkonsolida l-poter fis-Sirja u meta l-istil tat-tmexxija tiegħu għandu jiddefenixxi l-futur tal-pajjiż. Intant, ta’ inkwiet partikulari hu l-fatt li l-grupp Hayat għandu l-oriġini tiegħu fil-grupp terroristiku al-Qaeda u meta l-istess entità u l-Kap tiegħu, Abu Mohammed al-Jolani, kellhom ukoll il-konnessjonijiet kbar mat-terroristi tal-ISIS.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-mexxej proviżorju tas-Sirja,  Mohammed al-Bashir, ħabbar li qed jieħu ħsieb l-affarijiet ta’ pajjiżu sal-Ewwel ta’ Marzu bħala l-Aġent Prim Ministru – u meta hu għandu l-appoġġ tar-ribelli li waqqgħu li Assad mill-poter.

Assad hu mixli, b’mod partikulari, b’li ħareġ l-ordnijiet biex il-qawwiet tiegħu jisparaw l-armi kimiċi fuq il-poplu tiegħu stess matul il-gwerra kontra r-ribelli fis-Sirja — u għaldaqstant hu mfittex ukoll bħala kriminal tal-gwerra. Madankollu, Putin qed jenfasizza li l-alleat tiegħu mhux se jintbagħat quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali ta’ The Hague għal proċess relatat ma dan l-aġir.