Madwar 100 qattus se jkunu qed juru l-personalitajiet tagħhom matul it-tlett ijiem tal-Malta Jubilee u l-International Cat Show ta’ din il-ġimgħa, f’lukanda ewlenija.
Parteċipanti minn 16-il pajjiż differenti, minn pajjiżi ’l bogħod bħall-Filippini u t-Tajlandja, kif ukoll minn pajjiżi eqreb bħall-Italja, se jivvjaġġaw lejn Malta biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment tal-qtates organizzat mill-Malta Feline Guardians Club.
Din hija l-ewwel darba li dan l-avveniment qed isir fuq tlett ijiem – jibda nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru u jkompli sal-Ħadd, 15 ta’ Diċembru – b’ġurija internazzjonali bir-responsabbiltà li tevalwa kollox.
Razez rari bħat-Toyger, intelliġenti ħafna; l-Eġizzjan Mau, eleganti; u d-Devon Rex b’widnejn għoljin; se jkunu fost 25 razza differenti li qed jistinkaw għall-premju ewlieni.
Il-pubbliku jkollu l-opportunità jitgħallem dwar ir-razezi uniċi u l-istorja tal-qtates waqt dan l-avveniment li se jsir fl-Intercontinental, f’San Ġiljan, bejn id-10:30am u s-6:30pm.
Id-dħul għall-wirja tal-qtates huwa b’xejn. Għal aktar informazzjoni żur www.maltacatshows.com jew ċempel 9990 1846.
//= $special ?>