Kolumbjan ta’ 43 sena residenti l-Imsida huwa r-raġel arrestat b’rabta mal-każ tal-katavru li nstab imbiċċer f’bagalja, ‘il barra mix-Xatt f’The Strand, il-Gżira.
Wara tlett ijiem ta’ tfittxijiet madwar il-pajjiż kollu, il-Pulizija irnexxielhom jillokalizzaw lir-raġel li possibbilment huwa implikat fil-każ makabru ta’ din il-ġimgħa.
Dan l-iżvilupp kien ikkonfermat mill-Pulizija permezz ta’ stqarrija ppubblikata l-Ħamis filgħaxija – fejn ġie spjegat ukoll li ġie arrestat raġel ieħor ta’ 39 sena mill-Portugall li joqgħod fl-istess appartament li joqgħod fih ir-raġel Kolumbjan.
Bis-suspettat ewlieni jinżamm għall-interrogazzjoni fid-Depot tal-Pulizija.
Għalkemm l-investigaturi qed jaqblu fuq il-fatt li fl-intern tal-vittma instabet ammont kbir ta’ droga, issa kien hemm żvolta ġdida. Sorsi qed jindikaw li l-vittma miet għaliex kellu nuqqas ta’ ossiġnu – b’kundizzjoni magħrufa bħala asphyxia.
Il-Pulizija kkonfermaw ukoll li l-vittma kellu xejn inqas minn 100 kapsola suspettata kokaina fl-istonku; fatt li ħareġ mill-awtopsja li saret aktar kmieni din il-ġimgħa.
Jirriżulta li l-katavru ma kienx ilu wisq fil-baħar wara li dan tqatta’ biċċiet, possibbilment bl-użu ta’ mannara.
Intant, dwar il-każ għaddejja inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farruiga.
Il-Pulizija għadhom qed jippruvaw jidentifikaw lill-vittma, li jidher li huwa barrani u li kellu diżabbiltà.
//= $special ?>

