Lokali

Hu biss tort tal-Gvern Laburista li l-isptar tal-annimali għadu magħluq – PN

12-il sena ilu Gvern Nazzjonalista fetaħ sptar għall-annimali.

Dan l-isptar ilu magħluq 16-il xahar, u t-tort hu biss tal-Gvern Laburista.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-istess sptar magħluq, ix-Shadow Ministers Janice Abela Chetcuti u Darren Carabott qalu li s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said kienet qed tipprova tfarfar fuq ħaddieħor ir-responsabbiltajiet tagħha u tal-Gvern tagħha meta tgħid li dan l-isptar hu magħluq tort tal-Oppożizzjoni.

Meta l-Partit Nazzjonalista oġġezzjona li jonqsu s-servizzi f’dan l-isptar, kien qed jagħmel dmiru u jħares id-drittijiet tas-sidien tal-annimali li kienu qed jinqdew tajjeb mill-istpar li fetaħ Gvern Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista ma setax jaqbel ma’ numru ta’ proposti tal-Gvern kif jidhru hawn taħt:

  • Li l-capping tal-ewwel 2,000 annimali li jidħlu mill-Animal Welfare li jingħataw il-kura b’xejn jinżel għal żero u li minflok jingħata skont fil-prezz ta’ 25% fuq il-prezz tas-suq tal-intervent fuq kull annimal;
  • Li spejjeż relatati ma’ għotja ta’ mediċina, xi konsum jew triage li jingħata lil annimali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi ma jibqgħux b’xejn;
  • Li, għal xi raġuni, jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikun qed jiffunzjona “esklussivament” bħala Sptar Veterinarju;
  • Li jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikun mgħammar b’makkinarju u tagħmir tal-aħħar teknologija;
  • Li jitneħħa l-obbligu li l-Isptar isegwi u jaderixxi ruħu ma’ standards Ewropej u internazzjonali fir-rigward ta’ regolamenti u proċeduri fl-Isptar tal-Annimali;
  • Li jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikollu speċjalisti veterinarji ingaġġati miegħu;
  • Li l-annimali li jkunu rikoverati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi li jiġu bżonn il-kura fl-Isptar ikollhom bżonn xi mediċina, minflok li l-Isptar iżomm għall-ispiża skont l-istess prezz li bih inxtara (cost price) minflok jibda jżomm skont ir-rati fis-suq (market price).

Meta l-Partit Nazzjonalista oġġezzjona għal dawn il-punti, il-Ministru Anton Refalo qal li se jerġa’ jippreżenta abbozz ieħor tal-kuntratt emendat.

Kieku l-Gvern kien jemmen li l-abbozz tiegħu kien tajjeb kien jivvota favurih. Iżda dan ma seħħx, tant li rtirah u talab biex iressaq emendi.

Minn dakinhar, il-Gvern baqa’ ma tressaq l-ebda abbozz u la emendat u lanqas mhux, u dan l-isptar tħalla magħluq u abbandunat.

Agħar minn hekk, is-sidien tal-annimali baqgħu mingħajr sptar għall-pets tagħhom, bir-riżultat ta’ ħafna spejjeż żejda għalihom u bid-detriment tas-saħħa tal-annimali, u bir-risku li jekk tinqalgħalhom emerġenza bil-lejl, il-pet jista’ jbati konsegwenzi koroh għax ma jsibx il-kura li jeħtieġ.

Il-Partit Nazzjonalista kien hu li fetaħ dan l-istpar, u se jibqa’ jiġġieled sakemm il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom sptar għall-annimali tagħhom li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom.