Lokali Qorti

Każ dwar informazzjoni sensittiva li allegatament għaddiet pulizija jinstema’ bil-magħluq

Każ sensittiv dwar informazzjoni mgħoddija minn pulizija mara lil raġel ta’ 30 sena beda jinstema’ bil-magħluq minħabba s-sensittività tal-istess każ. Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella l-Ħamis filgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Ruud Buħagiar minn Birżebbuġia mixli li kien involut f’attentati ta’ serq, li kkorompa persuni u li uża informazzjoni li tagħtu Eks Surġent tal-Pulizija dwar rejds mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga u anke taqsimiet oħra tal-Pulizija.

Hekk kif kienu se jibdew jinstemgħu x-xhieda, il-Maġistrat Vella żgumbrat l-awla għall-midja u l-pubbliku. B’rabta ma’ dan il-każ, il-Maġistrat Gabriella Vella qed tisma’ wkoll bil-magħluq, il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-eks surġent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena li wkoll hija mixlija b’sensiela ta’ akkużi serji, fosthom kompliċità fi traffikar tad-droga, li wettqet atti ta’ ħasil ta’ flus ,kif ukoll li għaddiet informazzjoni li kellha fl-iskwadra ta’ kontra d-droga lil persuni marbuta mal-kriminalità.

Il-Maġistrat Vella qalet li ż-żewġ kawżi qed jinstemgħu bil-magħluq minħabba n-natura tal-akkużi u ismijiet li aktarx se jiġu żvelati matul is-smigħ tal-kawżi, u dan meta l-Pulizija għadha ma għalqitx l-investigazzjoni tagħha.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit u Christina Delia flimkien mal-Avukati Kevin Valletta u Francesca Spiteri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li Buhagiar qed jidher assistit mill-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.