Lokali

Kundanna oħra mill-NAO: Numru ta’ nuqqasijiet fit-Teatru Rjal

Kundanna oħra mill-Awditur Ġenerali, din id-darba b’rabta mat-Teatru Rjal – bir-rapport ippubblikat isib numru ta’ nuqqasijiet fil-management ta’ dan it-teatru.

F’rapport ippubblikat din il-ġimgħa, jingħad li l-bord tad-diretturi ta’ dan it-Teatru huwa kompost minn 13-il persuna, cioè, 8 persuni aktar minn dawk li huma attwalment ħaddiema f’dan l-istess teatru, għaliex il-ħaddiema huma 5 biss. Dan kollu kontra r-regolamenti ta’ dan it-teatru li jgħidu li l-bord tad-diretturi għandu jkun ta’ mhux aktar minn 8 persuni.

It-Teatru Rjal, wara t-tibdil estensiv li sarlu lura fl-2015 – ġie taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill tal-Arti – li surrealment għandu inqas membri mill-bord tad-diretturi tat-teatru nnifsu.

Minkejja li dan il-bord fih nnifsu għandu 13-il persuna, l-Awditur sab nuqqasijiet f’dik li hi l-attendenza tal-membri tal-bord – dan għaliex 2 membri minn 13 ma tfaċċawx f’aktar minn nofs id-9 laqgħat li saru f’sena sħiħa, mingħajr ebda raġuni filwaqt li xorta tħallsu.

Intant, ir-rapport sab ukoll li l-bar tal-kafetterija li hemm fuq in-naħa ta’ barra ta’ dan it-teatru kien qed jopera bla kuntratt għal 10 xhur sħaħ – dan wara li kien intemm kuntratt ta’ €231,000 fl-aħħar tal-2022. Il-kuntratt il-ġdid ikun evetwalment iffirmat madwar 10 xhur wara – fl-2023.

Madanakollu, ir-rapport sab ukoll nuqqasijiet f’kuntratt ieħor li sar mill-management ta’ dan it-teatru – fosthom dak li huwa relatat ma’ servizzi ta’ securities. Kuntratt li qabeż il-budget allokat b’€100,000.