Lokali Qorti

Mixli li hedded lill-eks sieħba u lil binha bi qtil u xerred materjal pornografiku

Raġel ta’ 40 sena mill-Ħamrun wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li hedded lill-eks sieħba tiegħu kif ukoll lil binha ta’ 16 il-sena li ser joqtolhom. Huwa mifhum li l-akkużat u l-vittma kienu f’relazzjoni ta’ 12-il sena.

It-theddid beda wara li l-koppja ma baqgħetx fir-relazzjoni. Madankollu r-raġel ma riedx jaċċetta din is-sitwazzjoni u baqa’ jiġri wara l-mara, tant li kien lest li jħallasha madwar €2,000 biex ikollha rapport sesswali miegħu.

Irriżulta wkoll li meta din m’aċċettatx, ir-raġel beda jhedded lil mara li se joqtol lilha u lil binha ta’ 16-il sena bi kliem diżpreġġativ bħal “jaqlagħlu l-imsaren minn ġo gismu”. L-akkużat ukoll kien jaqbad ritratt ta’ wiċċ il-mara, jeditjah fuq materjal pornografiku u jxerrdu ma’ terzi persuni.

Id-difiża qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri, għall-imputat dehru l-Avukati Jonathon Abela u Roberto Spiteri waqt li għall-vittma deher l-Avukat Matthew Xuereb.