Wara li l-Qorti tal-Appell irrevokat permess għal lukanda ta’ 11-il sular f’Tas-Sliema, issa għamlet l-istess fi proprjetà ta’ dar antika fil-Ħamrun. Dan kien inħareġ lill-iżviluppatur Silvan Mizzi sabiex iwaqqa’ townhouse antika fil-Ħamrun u minflokha jibni 22 appartament f’kumpless ta’ erba’ sulari.
Mizzi, kien ressaq applikazzjoni fl-aħħar tal-2022 biex it-townhouse fi Triq Villambrosa titwaqqa’ u jinbnew appartamenti flokha u flok il-ġnien kbir tagħha. Il-każ instema’ mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti li ppresieda l-appell.
Is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali kienet qalet li Triq Villambrosa u Triq Ċensu Bugeja huma żewġ toroq fil-Ħamrun li ġew ippreservati għaliex inżammu l-karatteristiċi tad-djar ta’ żewġ sulari. Din id-dar, li Mizzi ddikjara li mhuwiex is-sid tagħha imma laħaq ftehim ma’ sidha biex jiżviluppaha, inbniet fil-bidu tas-seklu 20 u s-Sovrintendenza qalet li għandha bosta karatteristiċi tradizzjonali fosthom intrata u taraġ tal-ġebel.
Ingħad li ladarba l-bqija tad-djar mhumiex aktar minn żewġ sulari, dan l-iżvilupp m’għandux jogħla aktar minn tliet sulari. Iżda minkejja dan, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat dan il-proġett u t-tribunal tal-ippjanar (EPRT) ikkonfermaha fuq appell.
L-NGO ‘Din l-Art Ħelwa’ rrikorriet għall-Qorti u saħqet fl-appell tagħha li l-proġett approvat se jogħla aktar milli permessibbli fil-pjan lokali tal-Ħamrun li jgħid li kwalunkwe żvilupp ma jistax jaqbeż it-tliet sulari u ieħor irtirat.
Il-Qorti qalet li l-NGO għandha raġun u li minkejja li fil-qrib ġie approvat żvilupp ta’ ħames sulari, dan m’għandux iwassal awtomatikament għall-approvazzjoni ta’ dan il-proġett. Dan filwaqt li qalet ukoll li l-proġett ma kellux jiġi approvat abbażi tal-fatt li l-iżviluppatur wiegħed li se jżomm mal-estetika tal-bqija tad-djar.
Hi sostniet li t-tribunal kellu jikkunsidra biss li l-iżvilupp approvat kien se jogħla aktar mill-binjiet eżistenti fit-triq u laqgħet l-appell ta’ ‘Din l-Art Ħelwa’ sabiex il-permess mogħti lil Mizzi jiġi revokat.
//= $special ?>