Lokali

50 Sena Repubblika

Minn kitba ta’ Victor Camilleri f’In-Nazzjon

Tarġa oħra fil-mixja kostituzzjonali

Għal eluf ta’ snin pajjiżna għex fid-dell ta’ potenzi barranin li ħakmuh, daqqa b’mod iebes, u daqqa b’mod inqas iebes, iżda, effettivament, id-destin qatt ma kien f’idejn il-Maltin… sa ma fl-1964 ksibna l-Indipendenza. Dak kien il-pass kruċjali li tana f’idejna ċ-ċavetta tal-futur. Li ġabna rajna f’idejna. Nagħmlu dak li naħsbu li hu għall-aħjar tal-poplu. U tan-nazzjonijiet tagħna.

Wara l-Indipendenza, kien pjuttost loġiku li t-tarġa li kien imissna nitilgħu fl-iżvilupp kostituzzjonali tagħna kienet li nittrasformaw lil pajjiżna f’Repubblika demokratika fil-Commonwealth u, għaliex le, Kap ta’ stat Malti, wieħed minna.

L-għażla ta’ Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President kienet waħda li madwarha tista’ tgħid li ngħaqad il-poplu kollu u, fis-snin ta’ wara, tat raġun lill-klassi politika u li, fil-kwiet u mingħajr daqq ta’ trombi, fl-istil tiegħu, Sir Anthony Mamo ħadem biex iseddaq il-paċi fost il-Maltin minkejja li f’okkażjonijiet is-sitwazzjoni ma kienet xejn faċli.

Il-Presidenti li ġew wara baqgħu jiġġustifikaw l-għażla li pajjiżna kien għamel fl-1974… 50 sena ilu.

Repubblika 10 snin wara l-Indipendenza

Fuq kif pajjizna għadda minn monarkija kostituzzjonali għal Repubblika hemm għadd ta’ kitbiet iżda l-aqwa rakkont jibqa’ dak, pjuttost qasir, bit-titlu Kif Malta Saret Repubblika, miktub minn Ugo Mifsud Bonnici u pubblikat mill-PIN.

Iżda jekk nibdew mill-bidu nett irridu ngħidu li l-Partit Laburista ma kienx semma din l-iżvolta għal pajjiżna bħala Repubblika fil-manifest elettorali tal-1971 li bih kien rebaħ dik l-Elezzjoni Ġenerali. Wieħed jista’ jifhem aħjar dan il-fatt meta jaqra dak li kiteb il-President Emeritu Mifsud Bonnici. Fil-bijografija tiegħu, Dott. Mifsud Bonnici jikteb hekk dwar l-ewwel laqgħa li kienet saret bejn il-PN u l-MLP dwar il-tibdil kostituzzjonali:

“Aħna (il-PN) konna naħsbu li, propjament, dak li jixtieq Mintoff kien li nibdlu s-sistema għal repubblika.” Iżda Wistin Abela rrispondieh hekk: “Qed tara! Jekk ngħidu hekk tiftħu l-kanuni kontra tagħna għaliex hemm ħafna fil-Partit Laburista li jħobbu lir-Reġina.”

Minkejja dan, hu fatt ukoll li fit-taħditiet tal-partiti politiċi Maltin f’Marlborough House f’Londra f’Lulju 1963 dwar it-talba ta’ Borg Olivier għall-Indipendenza, Mintoff kien stqarr ċar u tond li l-Labour ried li Malta ssir Repubblika u li r-Reġina ma tkunx il-Kap tal-Istat iżda dan ikun xi ħadd minn pajjiżna.

Ir-rappreżentanti ewlenin tal-Partit Laburista fil-laqgħat li kienu bdew isiru fil-Palazz ta’ Sant’Anton dwar it-tibdil kostituzzjonali, għall-ewwel kienu Ġużè Cassar u l-Ministru Wistin Abela li kien kunsidrat bħala l-aktar qrib ta’ Mintoff u allura seta’ jkun fl-aħjar pożizzjoni li jinterpreta dak li lil Mintoff kien jogħġbu u dak li kien idejqu.

Fid-delegazzjoni tal-Gvern Laburista għal dawk it-taħditiet ġieli attendew ukoll deputati oħrajn, fosthom l-istess Dom Mintoff, id-Deputy Leader Anton Buttigieg, il-Ministru Lorry Sant, u anki Daniel Micallef.

Wara l-bidu ta’ dawn it-taħditiet, iż-żewġ naħat bdew jiltaqgħu regolarment fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt. Kienu taħditiet diffiċli u li fihom ġieli waslu għal xi impass li, imbagħad kien ikun solvut wara żmien ta’ riflessjoni miż-żewġ naħat.

Kien hemm ukoll mument ta’ waqfien mit-taħditiet wara li partitarji Laburisti kienu attakkaw karozzi ta’ deputati Nazzjonalisti.

Meta finalment kien jidher li ż-żewġ naħat kienu resqin lejn soluzzjoni miftiehma, qamet il-problema li Ġorġ Borg Olivier, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, baqa’ jinsisti li t-tibdil ikun approvat f’Referendum iżda meta numru sostanzjali ta’ deputati tal-PN urew li jaħsbuha xort’oħra, hu ta l-libertà lid-deputati tiegħu li jivvutaw skont il-kuxjenza. B’hekk, ir-Repubblika setgħet issir realtà wara l-vot tal-Kamra kollha ħlief sitt deputati tal-PN.

Wara l-Indipendenza dan kien l-aktar żvilupp kostituzzjonali importanti għaxar snin wara, u Mintoff fuq parir tal-Avukat Ġenerali Edgar Mizzi – għażel lil Sir Anthony Mamo bħala President li dwaru qabel il-Parlament kollu.

Kontribut deċiżiv minn deputati tal-Partit Nazzjonalista

Bis-sehem ta’ dawn id-deputati l-Kostituzzjoni setgħet tibda tkun aċċettata minn kulħadd

Fi ktejjeb maħruġ mill-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti (Valletta), ftit qabel ma Malta saret Repubblika, u preċiżament f’Ottubru 1974, inkiteb hekk: “… fi żmien qasir se titwieled dik li tista’ tissejjaħ il-Kostituzzjoni Mintoff’, l-ewwel Kostituzzjoni ta’ Malta, imfassla fuq sisien serji ta’ libertà u ġustizzja soċjali u fuq mudelli Ewropej u verament demokratiċi”.

Għalkemm ma kienx hemm miktub min kien l-awtur ta’ dak il-ktejjeb, hu ovvju li l-persuna kienet waħda qrib ħafna ħafna ta’ Mintoff li kienet taf kif jaħsibha u eżattament xi jrid. U jien naf min kien!

Qed ngħid dan biex nuri li t-tir propju kien li fit-triq lejn ir-Repubblika, il-Labour iżarma għalkollox il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza – approvata f’Referendum b’54.5 fil-mija tal-elettorat wara li kienet approvata mill-Parlament Malti – u flokha jintroduċi waħda assolutament ġdida kif riedha l-Partit Laburita, jew aħjar il-Perit Mintoff.

Illum nafu li dan ma seħħx għaliex dak li ġara kien li ż-żewġ partiti ewlenin fil-Parlament, wara taħditiet twal u diffiċli, qablu fuq numru ta’ emendi għall-Kostituzzjoni li mbagħad kienu approvati mill-Parlament u b’hekk setgħet titwieled ir-Repubblika.

Iżda ejjew nimxu pass pass ma’ dak li seħħ dak iż-żmien. Nafu ħafna dwar dan – prattikament kollox – għaliex wieħed mill-protagonisti ewlenin tat-taħditiet, Ugo Mifsud Bonnici, kiteb dwar il-proċess kollu tan-negozjati fid-dettall u, importanti, ħadd qatt ma ċaħad jew ikkoreġa mqar virgola waħda minnn dak li stqarr. Dan għamlu, mill-inqas, fi tliet kitbiet sostanzjali:

(i) Il-ktejjeb Kif Sirna Repubblika, pubblikat mill-PIN;

(ii) Fil-bijografija tiegħu Konvinzjoni u Esperjenza; u

(iii) F’artiklu bit-titlu 1974: From Constitutional Monarchy to Republic fil-ktieb Landmarks in Maltese Constitutional History 1849 – 1974 editjat minn Henry Frendo u pubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Ugo Mifsud Bonnici kien wieħed mill-membri tad-delegazzjoni Nazzjonalista f’dawn it-taħditiet flimkien ma’ Eddie Fenech Adami u, naturalment, Ġorġ Borg Olivier, il-Kap tal-partit. F’waqtiet minn dawn it-taħditiet il-PN kien rapprenżentat ukoll minn Guido de Marco, Ċensu Tabone u anki George Bonello du Puis.

Biex jagħmel pressjoni fuq il-PN biex jidħlu għal dawn it-taħditiet, Mintoff kien għażel li ma jirrikostitwix il-Qorti Kostituzzjonali wara r-riżenja tal-Viċi President tagħha, l-Imħallef Flores. Minn hemm ’il quddiem Mintoff beda jhedded li jaqbad u jibdel il-Kostituzzjoni b’mod unilaterali, mingħajr l-input tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Għal dan it-theddid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista wieġbet b’determinazzjoni f’Malta u barra. Pajjiżna kien twassal mil-Labour sal-punt kritiku li kien qed jinkwieta mhux ftit lil Sir Anthony Mamo, il-Gvernatur Ġenerali, tant li dan ħa l-inizjattiva li jlaqqa’ ż-żewġ naħat fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex jibdew jiddiskutu b’mod serju u ġenwin it-triq ’il quddiem.

Wara ħafna tiġbid u negozjar tal-bidu, iż-żewġ naħat kienu kostretti jikxfu jdejhom dwar dak li riedu jiksbu u dan għamluh billi ssottomettew lil xulxin ix-shopping list tagħhom, dak li riedu jdaħħlu, ineħħu, jew jibdlu fil-Kostituzzjoni.

Fortunatament l-emendi li jolqtu r-reliġjon kienu approvati mill-Vatikan u ma kienu tal-ebda ostaklu bħalma kien ġara drabi oħra. Emendi oħrajn li fuqhom intlaħaq qbil kienu jirrigwardaw iċ-ċittadinanza, id-drittijiet u l-libertajiet individwali, il-Qrati Superjuri, il-Kamra tad-Deputati, l-elezzjonijiet, l-uffiċjali pubbliċi, il-pensjonijiet u l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi. Id-delegazzjoni Nazzjonalista oġġezzjonat għax xi emendi li ried il-Labour qablet ma’ xi oħrajn, filwaqt li pproponiet emendi ġodda fosthom propju l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi.

Lejn tmiem it-taħditiet inqala’ diżgwid fost il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista wara li Ġorġ Borg Olivier baqa’ jinsisti li l-emendi kellhom ikunu approvati finalment f’Referendum waqt li maġġoranza ta’ deputati tal-PN ħassew li qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra wara proċess daqshekk twil u intensiv kien minnu nnifsu aspett pożittiv għall-pajjiż. Malli l-emendi ġew għall-vot fil-Parlament, Borg Olivier ħalla lid-deputati tal-PN jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom. L-emendi kienu approvati b’49 vot favur, ħadd kontra, u sitt astensjonijiet (Ġorġ Borg Olivier u ħames deputati oħrajn tal-PN).

B’hekk kienet spjanata t-triq biex Malta ssir Repubblika. Hu evidenti li biex dan seta’ jsir kien hemm il-kontribut deċiżiv ta’ għadd kbir ta’ deputati Nazzjonalisti – l-ewlenin Eddie Fenech Adami, Ugo Mifsud Bonnici u Guido de Marco – li opponew emendi mressqa mil-Labour u introduċew oħrajn u, b’hekk, wieħed seta’ jgħid li pajjiżna sa fl-aħħar kellu Kostituzzjoni li dwarha kienet taqbel maġġoranza kbira tal-klassi politika.