Internazzjonali

Franza: Il-Prim Ministru ġdid jista’ jiffaċċja mal-ewwel vot ta’ sfiduċja

François Bayrou, politiku taċ-ċentru u alleat tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, inħatar Prim Ministru ġdid ta’ Franza. Dan meta hu,  mal-ewwel ,qed iħabbat wiċċu ma’ ħajt ta’ ostakli li jistgħu, ‘il quddiem, iwasslu wkoll għat-tneħħija tiegħu mir-rwol.

L-aħbar ingħatat wara taħditiet fit-tul bejn Bayrou u Macron fil-Palazz  Elysée ta’ Pariġi…U għalkemm Bayrou, il-Kap tal-Partit għall-Moviment Demokratiku, hu popolari anki ma’ xi deputati estremisti tal-lemin mal-Partit Rally Nazzjonali, hu xorta waħda ma għandux l-appoġġ mill-membri tal-partiti oħrajn rappreżentati fl-Assemblea.

U filwaqt li xi deputati estremisti jistgħu huma lesti li jagħtu ċans lil Bayrou ‘biex jaħdem fl-interess nazzjonali, il-Partit ta’ Franza Mhix Megħluba, bħala  entità radikali tax-xellug, iddikjara diġà li għandu jipproponi vot ta’ sfiduċja kontra l-għażla ta’ Macron bħala Prim Ministru.

L-eks-Prim Ministru Franċiż, Michel Barnier, kien twarrab mir-rwol wara vot ta’ sfiduċja li kien sar fil-Parlament fl-4 ta’ Diċembru. Dan wara li Barnier ipprova jimponi l-baġit tas-sigurtà soċjali għas-sena d-dieħla mingħajr il-vot neċessarju mid-deputati f’Pariġi.