Internazzjonali

Il-Ġorġja: Minn plejer tal-Premier Ingliż sal-Presidenza….Iżda Mikheil Kavelashvili għandu jkun is-simbolu tal-politika ‘anti-Ewropa’

Il-kriżi politika fil-Ġorġja kompliet tikber, bil-maġġoranza tal-poplu, b’mod partikulari ż-żgħażagħ, qed tesprimi r-rabja għan-nomina kontroversjali ta’ Mikheil Kavelashvili – eks-plejer tal-futbol li kien fuq il-kotba ta’ Manchester City – bħala President ġdid tal-pajjiż.

Kavelashvili se jkun is-simbolu tal-Gvern estremista tal-lemin, immexxi mill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, u proprju għada għandu jingħata l-ħatra uffiċjali bħala President fi proċess elettorali li qed iżid mal-għadab tal-poplu.

Il-Ġorġja, eks-Repubblika Sovjetika, ilha għaddejja mit-taqlib politiku mindu l-Partit fil-Gvern insista li kien rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru li kienu kuntestati bl-aħrax mill-entitajiet rivali.

Ir-riżultat ippermetta biex il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana jiddeċiedi biex jipposponi l-proċess tal-Ġorġja għall-isħubija fl-Unjoni Ewropea sal-2028 – u fost ir-rallies kbar tal-aħħar ġimgħat fi Tbilisi u bliet oħrajn tal-pajjiż.

Fl-aħħar sigħat tħabbru anki dimostrazzjonijiet ġodda ta’ protesta u favur l-UE mill-gruppi Ġorġjani li jemmnu fid-demokrazija u fil-futur tal-Ġorġja bħala parti integrali tal-Unjoni ta’ Stati Ewropej….Dimostrazzjonijiet li bdew diġà u li mistennija jispikkaw fl-ibliet Ġorġjani anki bejn għada u l-Ħadd.

Irrispettivament minn dan kollu, il-President attwali tal-Ġorġja, Salome Zurabishvili, qed tirrifjuta li twarrab mill-Presidenza. Zurabishvili, li hi favur l-Ewropa u l-Punent, qed tinsisti li jsiru elezzjonijiet parlamentari ġodda li ‘ jirriflettu l-vera rieda tal-poplu’…Sitwazzjoni li wittiet it-triq għal konfront kbir ieħor mal-Gvern u r-riperkussjonijiet inevitabbli għall-Kostituzzjoni tar-Repubblika.

Il-gruppi tal-Oppożizzjoni qed jakkużaw lill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana dwar tbagħbis elettorali u manipulazzjoni tal-vot nazzjonali. Akkuża oħra hi li l-Partit fil-Gvern mar lura minn kelmtu biex jintroduċi l-politika favur id-demokrazija u li anki qed imexxi lill-pajjiż eqreb tar-Russja….Dan kollu b’impatt dirett u negattiv għat-tamiet tal-Ġorġjani li jsiru huma wkoll parti mill-UE.

Fl-aħħar ġimgħat, il-pulizija Ġorġjana, taħt id-direttivi tal-Prim Ministru Irakli Kobakhidze, wettqet kampanja ta’ brutalità fuq id-dimostranti li qed jipprotestestaw fit-toroq – u bil-miżuri vjolenti kontinwi qed iqanqlu l-kundanna minn kull rokna tal-pajjiż kif ukoll minn barra.

Sadanittant, il-kriżi kostituzzjonali bla preċedent fil-Ġorġja qed tkompli twassal għall-kapitli li qegħdin jinkwetaw bil-kbir lill-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini.

Dan meta, għada, il-kulleġġ elettorali fi Tbilisi li hu kontrollat mill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, jeleġġi lil Mikheil Kavelashvili bħala President u li f’dan il-każ se jingħata l-poteri simboliċi. Il-proċess jibbaża fuq vot indirett li se jkun suġġett għal bojkott min-naħa tal-Oppożizzjoni.

Kavelashvili, li għandu 53 sena, hu partikularment magħruf għad-diskorsi mqanqlin kontra l-Punent u mistenni li jkompli b’din l-aġenda anki bħala President tal-Ġorġja….Pajjiż fejn ilu ma jkun hemm elezzjonijiet presidenzjali diretti mill-2017 fuq id-direttiva speċifika min-naħa tal-Partit għall-Ħolma Ġorġjana mmexxi minn Irakli Kobakhidze.