Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Lejn it-tieni vot għall-impeachment tal-President Yoon

Id-deputati parlamentari f’Seoul, għada s-Sibt, jieħdu tieni vot fl-Assemblea li hu relatat mal-impeachment tal-President Korean Yoon Suk-yeol li qed ikun imfisser bħala ‘periklu nazzjonali’. Dan wara li Yoon falla f’attentat biex jimponi l-liġi marzjali f’pajjiżu – bil-pass iqanqal mewġa ta’ kundanna, fost kriżi politika li ma setgħetx tiżbroffa fi żmien aktar delikat.

Il-vot għall-impeachment, biex jgħaddi,  jirrikjedi l-appoġġ ta’ 200 minn fost it-300 deputat fl-Assemblea Nazzjonali – u jekk dan iseħħ, il-proposta għandha titressaq quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fil-kapitali.

Il-President Yoon, li issa qed ikun suġġett għal investigazzjoni kriminali għal allegat tradiment fuq livell nazzjonali, hu projbit milli jħalli l-pajjiż. Qed jingħad ukoll li l-Presidenza tiegħu spiċċat iffriżata sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma l-verdett ‘il quddiem u f’każ li l-impeachment jikseb l-appoġġ meħtieġ.

Intant, Yoon iddikjara li se jkompli jirreżisti ‘sal-aħħar’ it-tentattivi biex iwarrbuh waqt li qed jiddefendi d-deċiżjoni ta’ jiem ilu biex hu jaħtaf il-kontroll ta’ pajjiżu.