Il-Partit Nazzjonalista huwa inkwetat ferm dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna, u l-inċident tal-aħħar jiem kompla żied dan it-tħassib.
Din is-stqarrija kienet iffirmata mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott.
B’rispett sħiħ lejn il-proċess ġudizzjarju, il-Partit Nazzjonalista jirreferi għas-sejba ta’ katavru imqatta’ f’bagalja, fejn mill-fatti ppubblikati jidher li hu każ marbut maċ-ċirku ta’ traffikar ta’ droga preżenti f’Malta.
It-tħassib tal-Partit Nazzjonalista huwa wkoll fl-isfond ta’ rapporti li jindikaw li l-preżenza tad-droga f’pajjiżna u d-domanda għaliha qiegħdin dejjem jiżdiedu.
Dan naturalment iħalli konsegwenzi negattivi fuq il-persuni, il-familji u fl-aħħar mill-aħħar fuq is-soċjetà.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-uffiċjali tas-sigurtà u lill-professjonisti kollha li f’dawn il-ħinijiet jinsabu għaddejjin b’ħidma marbuta ma’ dan il-każ, dan il-każ huwa xhieda taċ-ċrieki perikolużi li jinsabu f’pajjiżna.
F’rapport dwar il-kriminalità organizzata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ippubblikat f’April mill-Europol bl-isem ‘Decoding the EU’s most threatening criminal networks’, Malta sabet ruħha f’lista xejn sabiħa li tikxef in-nuqqasijiet tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Pajjiżna għandu l-vantaġġ ta’ fruntieri naturali u suppost li għandna kontroll fuq dak li jidħol u joħroġ minn pajjiżna.
Madankollu, jidher li dan il-vantaġġ mhux qed jintuża għall-interess tal-pubbliku biex tkun żgurata s-sigurtà f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern biex jaġixxi fuq dak li jgħidulna dawn iċ-ċifri u rapporti, u jaħdem fuqhom. Il-Gvern irid juri li verament qed jindirizzahom, biex ngħaddu messaġġ li f’Malta m’hawnx spazju jew lok għall-kriminalità organizzata.
Dan jista’ jsir biss jekk il-Gvern jinvesti bis-serjetà fis-sigurtà u fl-infurzar ta’ pajjiżna.
//= $special ?>