Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma.
Jippruvaw kemm jippruvaw jaħarbu milli jagħtu rendikont lill-poplu dwar kif qed iberbqulu flusu, fl-aħħar il-Ministri tal-Gvern u dawk ta’ madwarhom ikollhom jagħtu rendikont.
Din is-stqarrija kienet iffirmata mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg.
Aktar kmieni din is-sena dak li kien is-CEO tal-PBS Mark Sammut, bil-barka tal-Ministru Owen Bonnici, iddeċieda li l-Malta Eurovision Song Contest isir fi studio mingħajr udjenza.
Din id-deċiżjoni ntlaqgħet bi kritika qawwija kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-artisti nfushom.
Imma biex tkompli tgħaxxaq, biex għamel hekk, Mark Sammut tajjar €1,600,000. Dan biex irranġa studio abbandunat biex fih issir din il-kompetizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa dwar din in-nefqa fil-Parlament, imma l-Ministru Owen Bonnici irriffjuta li jagħti d-dettalji ta’ kif intefqu flus il-poplu għax qal li din kienet “informazzjoni ta’ sensittività kummerċjali”.
Issa l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fuq talba ta’ The Shift News ordna lill-PBS jispjega din in-nefqa.
Grazzi għall-ġurnalisti, il-verità se toħroġ.
Flus il-poplu mhumiex la tal-Ministru u lanqas ta’ xi ħabib tiegħu.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf fejn qed imorru t-taxxi tiegħu.
//= $special ?>