Internazzjonali

Is-Sirja: Arja ġdida ta’ libertà fost in-niket għall-vittmi ta’ Assad

Eluf kbar ta’ Sirjani qed jingħaqdu f’Jum ta’ Ċelebrazzjoni Nazzjonali huma u jħarsu lejn era ġdida li wieħed jittama li għandha tkun nieqsa mid-dmija, l-oppressjoni u t-tortura bħal fis-snin li għaddew, meta l-pajjiż kien immexxi mir-reġim tal-President Bashar al-Assad.

L-eks-dittatur Sirjan – alleat tar-Russja u l-Iran u li għandu jdejh imċappsin bid-demm tas-Sirjani innoċenti – kien kostrett li jaħrab mill-pajjiż quddiem l-offensiva ta’ diversi gruppi tar-ribelli u militanti li taw l-aħħar salt determinat biex ‘tinbidel l-istorja f’Damasku’….Offensiva li rnexxiet minn kull aspett, b’Assad u familtu, issa, qed jingħataw il-kenn fir-Russja.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar sigħat spikkaw fil-madwar tal-moskea prinċipali f’Damasku u fejn in-nies setgħu jingħaqdu fit-talb pubbliku għall-massa għall-ewwel darba mindu tkeċċa Assad mill-poter.

Dan ukoll waqt li l-poplu – u t-Tmexxija ġdida f’Damasku – qegħdin jagħmlu l-kontijiet tal-era terribbli, karatterizzata minn kważi 14-il sena ta’ gwerra li ssarrfet f’aktar min-nofs-miljun mejtin u miljuni ta’ refuġjati….Era li spikkat ukoll għall-qtil u l-priġunerija ta’ mijiet ta’ Sirjani suspettati bħala dissidenti u li l-eks reġim ried jagħmel eżempju minnhom.

Abu Mohammed al-Jolani, il-Kap tal-grupp Islamista Hayat Tahrir al-Sham (HTS) li kien fuq quddiemnett waqt l-offensiva, sejjaħ biex is-Sirjani ‘ifakkru kif xieraq ir-Rivoluzzjoni Qaddisa’. Dan waqt li l-Aġent Prim Ministru Sirjan,Mohammed al-Bashir, għamel diskors ta’ ċelebrazzjoni lill-folol kbar li ħonqu l-inħawi tal-Moskea  ta’ Umayyad fil-kapitali.

Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet, spikkat il-bandiera għall-indipendenza Sirjana – bi tlett stilel prinċipali – u li ħadd ma kien jissogra li jġorr fi żmien ir-reġim ta’ Assad…..Dan waqt li l-poplu esprima l-ferħ tiegħu talli ‘ħeles mill-ħabs li għal daqstant snin kien kostrett li jgħix fih taħt il-Familja Assad’.

Kien hemm anki ċelebrazzjonijiet kbar f’Aleppo, eks-hub kummerċjali u t-tieni l-akbar belt tas-Sirja li serviet ukoll bħala front għall-battalji ħorox bejn it-truppi tar-reġim u r-ribelli, tul is-snin tal-gwerra ċivili. Dan ukoll fost il-manifestazzjonijiet pubbliċi ta’ ferħ indeskrivibbli fil-belt ta’ Sweida, lejn in-naħa t’isfel tas-Sirja.

Sadanittant, il-grupp HTS tas-Sunni Musulmani għandu l-għeruq tiegħu fl-entitajiet terroristiċi tal-Qaeda u ISIS u l-Gvernijiet tal-Punent, issa, iridu jaraw kif se jittrattaw mat-Tmexxija ġdida f’Damasku…Dan waqt li l-Amministrazzjoni temporanja f’Damasku qed tinsisti li d-drittijiet tas-Sirjani kollha se jkunu protetti fil-futur.

Min-naħa tagħhom, il-Mexxejja tal-Grupp G7 – l-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja – kellhom laqgħa virtwali li fiha qalu li huma lesti biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-poter fis-Sirja li jriduha tkun ‘inklussiva’ għas-Sirjani kollha.

Il-pajjiżi sejħu wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet umani fis-Sirja, fost ir-referenzi għall-‘impenji importanti biex ir-reġim ta’ Assad jinżamm kontabbli għal snin ta’ reati kontra l-poplu’.

Fil-preżent, ir-ribelli li qed jiffurmaw it-tmexxija ġdida fis-Sirja qed isibu dejjem aktar ‘sigrieti terribbli’ relatati mar-reġim ta’ Assad — u fejn qed jiskopru n-network taċ-ċentri ta’ detenzjoni u siti għat-tortura ta’ priġunieri qalb iz-zoni tal-pajjiż li ftit tal-jiem ilu kienu kontrollati mir-reġim.

Dan waqt li s-Sirjani qed ifittxu qalb il-kumplessi ta’ ħabs, l-isptarijiet u l-kmamar mortwarji biex forsi jsibu ħjiel tal-qraba u ħbieb li ilhom li sparixxew is-snin u li x’aktarx sfaw vittmi tal-’Magna tat-Terrur’ ta’ Assad.