Lokali Qorti

Jammetti li hedded lill-ġenituri tiegħu

Raġel ta’ 30 sena miż-Żejtun u li għandu l-vizzju tad-droga ammetta quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li hedded lill-ġenituri u kkaġuna ħsara fil-magna tal-ħasil propjetà tagħhom. Il-Qorti qieset li mir-rapport tas-social workers sar magħruf li għandu l-vizzju tad-droga u problemi ta’ rabja li qed jaffettwaw ir-relazzjoni ma’ ommu u missieru.

Għal dawn ir-raġunijiet huwa tpoġġa taħt probation għal tliet snin, inħarġet ordni ta’ trattament għall-istess perjodu u l-Qorti rabtitu għal perjodu ta’ sitt xhur, u li jekk dejjaq lill-ġenituri jista’ jiġi mmultat €2,000.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Antonello Magri qalet li bdiet tinvestiga lir-raġel wara rapport li sar mill-ġenituri li għandhom aktar minn 60 sena u li dawn ilhom jieħdu paċenzja bih. Ir-raġel ammetta l-akkużi bil-Maġistrat tiddeskrievi r-reati li wettaq bħala serji anke għax il-vittmi huma persuni vulnerabbli minħabba l-età.

Il-Qorti qalet ukoll li biża’ ta’ vjolenza m’għandha qatt tiġi aċċettata speċjalment meta f’dan il-każ saret fil-konfront tal-ġenituri li għandu l-obbligu li jieħu ħsieb. Isem il-ħati mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-istess ġenituri.